Qari tal-Ġimgħa tal-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa

Qari I

Int, bniedem ta’ Alla, fittex li jkollok il-ġustizzja.

1 Tim 6, 2ċ-12

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, dan għallem u wissi. Min jgħallem ħaġa oħra, min ma joqgħodx għall-kliem utieq ta’ Sidna Ġesù Kristu u għat-tagħlim skont it-tieba, dan ikun supperv u ma jkun jaf xejn, marid bil-marda tat-tilwim u kliem li ma jġibx ħlief għejra u ġlied, tkasbir u suspetti ħżiena; u tilwim bejn nies ta’ moħħhom maqlub u nieqsa mill-verità; u mingħalihom it-tieba qiegħda għal qligħ il-flus.

It-tieba fiha qligħ kbir, tassew, għal min hu kuntent b’dak li għandu; għax aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna; sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina. Imma dawk li jridu jistagħnu jaqgħu fit-tiġrib u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens u ta’ ħsara li jitfgħu lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien. Għax ir-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen; kien ħtija ta’ din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir.

Imma int, bniedem ta’ Alla, aħrab dan kollu; fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 48 (49), 6-7.8-10.17-18.19-20

R/. (Mt 5, 3): Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet

Għax għandi nibża’ mill-jiem ħżiena,

meta jdur għalija l-ħażen ta’ dawk li jonsbuni?

F’ġidhom it-tama tagħhom;

jiftaħru bil-kotra tal-għana tagħhom. R/.

Ħadd ma jista’ jifdi lilu nnifsu,

jew jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa tiegħu.

Għoli wisq il-prezz ta’ ħajtu,

qatt ma jkun biżżejjed,

biex wieħed jgħix għal dejjem

u ma jara qatt il-qabar. R/.

Tibżax meta xi ħadd jistagħna,

meta joktor il-ġieħ ta’ daru.

Għax xejn ma jieħu f’mewtu,

ġieħu ma jinżilx warajh. R/.

Imqar jekk f’ħajtu jħoss ruħu hieni,

u jgħid li jfaħħruh għax jgħaddiha tajjeb;

imur ukoll mal-ġemgħa ta’ missirijietu,

li qatt aktar ma jaraw id-dawl. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Kellu miegħu t-Tnax u xi nisa li kienu jaqduhom minn ġidhom.

Lq 8, 1-3

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jipprietka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. Kellu miegħu t-Tnax u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta’ Magdala, li minnha kienu ħarġu seba’ xjaten, Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta’ Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: