Il-Ħamis
Qari I
Ibnu d-dar, u jien nitgħaxxaq biha.
Ħag 1, 1-8
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħaggaj
Fit-tieni sena tas-sultan Darju, fis-sitt xahar, fl-ewwel tax-xahar, il-Mulej, permezz tal-profeta Ħaggaj, kellem lill Żerubbabel bin Sijaltijel, gvernatur ta’ Ġuda, u lil Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u qalilhom: “Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: “Dan il-poplu jgħid: It-tempju tal-Mulej għad ma wasallux iż-żmien li jinbena mill-ġdid!””.
U l-Mulej tkellem permezz tal-profeta Ħaggaj u qal: “Jaqaw għalikom huwa issa l-waqt li intom tgħammru fi djarkom imsaqqfa waqt li din id-dar għadha ħerba? U issa dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu! Bosta żrajtu, imma ftit ħżintu; kiltu, u m’hemmx li tixbgħu; xrobtu, u m’hemmx li tiskru; ilbistu, u m’hemmx li tisħnu; u l-ħaddiem mikri jqiegħed ħlasu f’but imtaqqab. Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu! Itilgħu fuq il-muntanja, ġibu l-injam u ibnu d-dar, u jien nitgħaxxaq biha u nissebbaħ fiha, jgħid il-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 149 (150), 1-2.3-4.5-6a u 9b
R/. (4a): Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu
Għannu lill-Mulej għanja ġdida:
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom! R/.
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa. R/.
Bil-glorja jithennew ħbiebu,
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom,
dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14, 6
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.
Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma’ dan kollu?
Lq 9, 7-9
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, dawn il-ġrajja kollha waslu f’widnejn Erodi t-tetrarka u beda jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet, waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi. Iżda Erodi qal: “Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma’ dan kollu?”. U beda jfittex li jarah.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu