Qari tat-Tnejn tal-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn

Qari I

Alla ħalla ’l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd.

Rum 11, 29-36

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Għeżież, Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu! Bħalma fl-imgħoddi intom ma kontux tobdu lil Alla, imma issa sibtu l-ħniena tiegħu minħabba d-diżubbidjenza tagħhom; hekk huma wkoll mhumiex jobduh minħabba l-ħniena li sibtu intom mingħandu, ħalli issa huma wkoll isibu l-ħniena. Għax Alla ħalla ’l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd. Kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta’ Alla! Kemm tassew ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzju tiegħu u jifhem it-triqat tiegħu! Għax min qatt għaraf moħħ il-Mulej? Min qatt tah l-ewwel biex jistħoqqlu l-ħlas? Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih. Lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen!

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 68 (69), 30-31.33-34.36-37

R/. (14ċ): Mulej, fil-kobor ta’ tjubitek weġibni

Jiena msejken u batut;

terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!

Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,

inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr. R/.

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. R/.

Għax Alla jsalva ’l Sijon, u jibni l-bliet ta’ Ġuda;

u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.

Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;

dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 8, 31b-32

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi,

tkunu tassew dixxipli tiegħi, jgħid il-Mulej,

u tagħrfu l-verità.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja.

Lq 14, 12-14

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kap tal-fariżej li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: