It-Tlieta
QARI I
Kull wieħed minna membru tal-ieħor.
Rum 12, 5-16a
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Għeżież, aħna għad li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minna membru tal-ieħor. Aħna għandna doni differenti skont il-grazzja li Alla tana; jekk għandna d-don tal-profezija, ħa nħaddmuh skont il-qies tal-fidi; jekk għandna d-don tal-ministeru, ħa nservu; min għandu d-don tat-tagħlim, ħa jgħallem; min id-don tat-tħeġġiġ, ħa jħeġġeġ; min id-don tat-tqassim, ħa jqassam b’idejh miftuħa; min għandu l-awtorità fuq l-oħrajn, ħa jmexxi bil-ħerqa; min id-don tal-opri tal-ħniena, ħa jagħmel dan bil-ferħ.
Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor; taħmlux il-ħażen; żommu mat-tajjeb. Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin. Tħallux il-ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, aqdu lill-Mulej. Ifirħu bit-tama, stabru fl-hemm, itolbu bla waqfien. Aqsmu ġidkom mal-qaddisin li jinsabu fil-bżonn; ilqgħu f’darkom lill-barranin.
Bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku, u la tisħtu lil ħadd. Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki. Aħsbu f’xulxin l-istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 130 (131), 1.2.3
R/. Żomm lil ruħi fil-paċi tiegħek, Mulej
Mulej, ma tkabbritx qalbi,
anqas ma ntrefgħu għajnejja;
jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar,
jew wara ħwejjeġ ogħla minni. R/.
Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ,
bħal tarbija f’ħoġor ommha;
bħal tarbija miftuma, hekk hi ruħi ġewwa fija. R/.
Ittama, Iżrael, fil-Mulej,
minn issa u għal dejjem! R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 11, 28
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,
u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi, u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela.
Lq 14, 15-24
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, wieħed minn dawk li kienu ma’ Ġesù għall-mejda, meta semgħuh jgħid dan, qallu: “Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla!”.
Iżda hu wieġeb: “Wieħed raġel għamel pranzu kbir u stieden ħafna nies. Meta sar il-ħin għall-ikel, bagħat lill-qaddej tiegħu għand il-mistednin biex jgħidilhom: “Ejjew, għax ġa lest kollox”. Imma lkoll xorta waħda bdew isibu xi skuża. L-ewwel wieħed qallu: “Xtrajt għalqa, u jeħtieġli mmur naraha; nitolbok tagħdirni”. Ieħor qallu: “Xtrajt ħames żwieġ barrin, u sejjer nara x’jagħtu; nitolbok tagħdirni”. Ieħor qallu: “Iżżewwiġt, għalhekk ma nistax niġi”.
Il-qaddej raġa’ lura għand sidu u qallu kollox. Is-sinjur, b’korla fuqu, qal lill-qaddej tiegħu: “Ħaffef, oħroġ fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop”. Il-qaddej imbagħad qallu: “Sar kif ordnajt int, sinjur, u għad hemm il-wisa’”. Qal is-sid lill-qaddej: “Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi, u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela.Għax kif ngħidilkom jien, ebda wieħed minn dawk li kienu mistiedna ma jduq l-ikel tiegħi””.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu