Qari tat-Tnejn tat-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn

Qari I

L-għerf hu spirtu li jagħmel il-ġid. L-ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja kollha.

Għerf 1, 1-7

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

Ħobbu l-ġustizzja, intom li tmexxu l-art;

aħsbu fuq il-Mulej, kif inhu sewwa,

u fittxuh b’qalb safja;

għax hu jinstab minn dawk li ma jġarrbuhx,

jingħaraf minn dawk li ma jaqtgħux qalbhom minnu.

Il-ħsibijiet ħżiena jbiegħdu l-bniedem minn Alla;

u s-setgħa tiegħu, jekk tiġi mġarrba, tikxef il-bluha ta’ min iġarrabha.

F’min jagħmel il-ħażin ma jidħolx l-għerf,

lanqas jgħammar f’ġisem marbut mad-dnub.

Għax l-ispirtu qaddis, li jrawwem fil-virtù,

jaħrab minn quddiem il-qerq,

u jwarrab minn fejn hemm ħsibijiet bla sens;

u, meta ssir l-inġustizzja, iċanfar lil min jagħmilha.

L-għerf hu spirtu li jagħmel il-ġid,

imma ma jaħfirhiex lil min iżeblaħ bi kliem fommu;

għax Alla hu xhud ta’ dak li hu fih innifsu;

hu jagħraf sewwa l-ħsibijiet ta’ qalbu,

u jisma’ l-kliem ta’ fommu.

Għax l-ispirtu tal-Mulej jimla d-dinja kollha;

hu, li jħaddan kollox, jaf x’jgħidu l-bnedmin.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 138 (139), 1-3.4-6.7-8.9-10

R/. (24b): Mulej, mexxini fit-triq ta’ dejjem

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.

Inkun għadni anqas lissint il-kelma,

meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.

Dawramejt inti tħaddanni,

u tqegħedli idek fuqi.

L-għerf tiegħek tal-għaġeb, ma nwassalx għalih;

għoli wisq, u ma nlaħħaqx miegħu. R/.

Fejn immur ’il bogħod mill-ispirtu tiegħek?

Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek?

Jekk nitla’ fis-smewwiet, hemm int;

jekk nimtedd f’qiegħ l-art, int hemm ukoll. R/.

Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ,

u mmur ngħammar fi truf il-baħar,

hemm ukoll tilħaqni idek,

u taqbadni l-leminija tiegħek. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Fil 2, 15d.16a

Hallelujah. R/. Hallelujah

Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb,

u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Jekk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jdur lejk seba’ darbiet u jgħidlek: ‘Jisgħobbija,’ aħfirlu.

Lq 17, 1-6

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli; imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom! Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin.

Oqogħdu attenti! Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, widdbu, u jekk jindem aħfirlu. U jekk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jdur lejk seba’ darbiet u jgħidlek: “Jisgħobbija”, aħfirlu”.

L-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”. Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: