It-Tlieta
Qari I
F’għajnejn il-boloh dehru mejta; iżda huma qegħdin fis-sliem.
Għerf 2, 23 – 3,9
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Alla ħalaq il-bniedem biex ma jmutx,
u għamlu xbieha tiegħu nnifsu.
Bl-għejra tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja;
u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu.
L-erwieħ tal-ġusti huma f’idejn Alla,
u l-ebda tbatija ma tilħaqhom.
F’għajnejn il-boloh dehru mejta;
it-tluq tagħhom stħajluh b’telfien,
u qerda t-tbegħid tagħhom minna.
Iżda huma qegħdin fis-sliem.
Għax, għalkemm f’għajnejn il-bnedmin dehru maħqura,
għandhom tama sħiħa fil-ħajja bla tmiem.
Wara ftit ta’ tbatija jiksbu ġid kbir;
għax Alla ġarrabhom u sabhom tajbin għalih.
Bħad-deheb fin-nar ġarrabhom,
u laqagħhom bħal vittma maħruqa kollha għalih.
Meta Alla jiġi għalihom, huma jiddu,
bħal xrar tan-nar li jżiġġ f’għalqa bil-qasab.
Jagħmlu ħaqq mill-ġnus u jaħkmu fuq il-popli,
u jkun il-Mulej is-sultan tagħhom għal dejjem.
Min jittama fih jifhem is-sewwa,
u min jemmen fih jgħix miegħu fl-imħabba;
għax tieba u ħniena hemm għall-magħżulin tiegħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 33 (34), 2-3.16-17.18-19
R/. (2a): Kull ħin inbierek il-Mulej
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,
u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom. R/.
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna,
u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.
Lq 17, 7-10
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel?”, jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int?”. Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu?
ekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu””.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu