Il-Ħadd, 23 ta’ Ottubru 2022: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pussess ta’ Dun Anthony Bajada bħala Kappillan ta’ San Lawrenz. Knisja parrokkjali ta’ San Lawrenz, Għawdex.
[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/l-isqof-anton-teuma-omelija-pussess-kappillan-san-lawrenz-il-hadd-23-ta-ottubru-2022?si=5a856faaf55049e9bd67164e10f1aee0&utm_source=clipboard&utm_medium=text&utm_campaign=social_sharing” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]
Omelija tal-Isqof Anton Teuma
Għażiż Dun Anthony, nixtieq sinċerament quddiem din il-komunità rroddlok ħajr talli aċċettajt is-sejħa li l-Mulej għamillek permezz tiegħi għal dan is-servizz, għal din it-tmexxija, u lqajt li sservi lil din il-komunità għas-snin li ġejjin. Ippermettili f’dan il-mument irrodd ħajr lil Dun Charles [Sultana] li qiegħed ħdejk; imma mhux biss… lil ħafna kappillani oħra illi fis-skiet u ħafna drabi ħafna tbatija fil-qalb u preokkupazzjonijiet fil-moħħ, jippruvaw jaqdu u jieħdu ħsieb din il-komunità tad-Djoċesi tagħna.
Xi tfisser tagħmel festa uffiċjali, biex ngħidu hekk – għax inti l-ministeru tiegħek diġà ilek li bdejtu – biex tkun kappillan f’din il-Parroċċa ta’ San Lawrenz proprju fil-ġurnata missjunarja? Jien naħseb li xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni, jerġa’ wara li smajna kelma daqshekk qawwija bħal tal-lum: il-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan (Lq 18:9-14). Jista’ jkun li l-Mulej qiegħed isejjaħ lilek u lill-komunità kollha tiegħek biex nieħdu ħsieb iktar lil dawk li huma fl-aħħar, li dawk li huma mwarrbin, lil dawk li llejla mhumiex magħna, lil dawk li lanqas biss ħabat ma’ moħħhom li llejla jistgħu jkunu f’din il-knisja. Jista’ jkun li l-Mulej permezz tal-festa tal-lum qiegħed isejħilna biex ikollna attenzjoni partikolari u speċjali għall-persuni li f’din il-parroċċa, imma mhux biss, għaddejjin minn tbatija: għal dawk li hemm f’qiegħ ta’ sodda, għal dawk l-anzjani li jgħixu waħedhom, għal dawk il-persuni li għaddejjin minn diffikultajiet kbar ta’ mard terminali, għall-persuni li għaddejjin minn diffikultajiet ta’ relazzjonijiet bejniethom, għat-tfal li ħafna drabi jispiċċaw vittma, diżorjentati, ma jafux liema triq jaqbdu wara li jkunu sofrew is-separazzjoni tal-ġenituri tagħhom. Jista’ jkun li l-Mulej illum qed jgħidilna: ‘Iftħu qalbkom għal dawk il-persuni li minħabba s-sitwazzjoni familjari tagħhom iħossuhom maqtugħin mill-komunità li temmen’.
Għalfejn qiegħed ngħidu dan kollu? Dawn kollha nistgħu niġbruhom fil-persuna tal-Pubblikan tal-Vanġelu tal-lum. Min kien il-Pubblikan tal-Vanġelu tal-lum? Intom tafu li Ġesù qal xi ħaġa li mhux suppost u ma setax jgħidha? Beda hekk il-Vanġelu: tnejn min-nies, wieħed Fariżew u l-ieħor Pubblikan, telgħu t-Tempju biex jitolbu. Ġesù ma setax jgħid li Pubblikan jitla’ fit-Tempju biex jitlob, għax il-Pubblikan ma setax jersaq lejn it-Tempju. Il-Pubblikan kien meqjus bħala bniedem imniġġes, mhux għax mess ma’ xi ħaġa, ma’ xi demm jew ma’ xi ħaġa maħmuġa kif kienet tgħid il-liġi tal-Levitiku, imma mniġġes fil-persuna tiegħu. Saħansitra t-Talmud, li huwa ktieb tal-Lhud li jipprova jispjega u jtawwal l-Iskrittura, kien jgħid li l-Pubblikan m’għandux ċans isalva għax irid irodd dak kollu li seraq u miegħu 20%. Mur rodd u mur sib tarf!
Kif kien jisraq il-Pubblikan? Ix-xogħol tal-Pubblikani kien li jiġbru t-taxxa f’isem ir-Rumani. Imma dawn ma kellhomx paga fissa, anzi ma kellhomx paga. Kif kienu jitħallsu l-Pubblikani? Aħna llum nitkellmu fuq il-korruzzjoni. Il-Pubblikani kienu jitħallsu skont kemm jiflaħ l-istonku tagħhom jisraq lil dawk li mingħandhom imorru jiġbru t-taxxi. Daqshekk kienu jitħallsu! Jiġifieri jekk ġie għandi u jien kelli nagħtih għaxra biex jagħtihom lir-Rumani u magħhom irnexxielu jeħodli għaxra oħra, dawk l-għaxra l-oħra kienu jkunu l-paga tal-Pubblikan. Immaġinaw dawn il-Pubblikani kemm kienu jiddevertu, x’sens ta’ moralità seta’ kellhom! Ġesù jgħid li dan il-Pubblikan mar lura ġġustifikat. Il-Pubblikan ma setax jixhed fil-qorti għaliex kien persuna li minnu nnifsu, fl-identità tiegħu, ma jistax jgħid il-verità.
Min kien il-Fariżew? Aħna mill-ewwel, kif ngħidu Fariżew, ngħidu wieħed wiċċ b’ieħor. Żomm, bil-mod! Nafu li wiċċ b’ieħor għax smajna l-Vanġelu u qalhulna Ġesù. Imma fi żmien Ġesù min kien il-Fariżew? Il-Fariżew nista’ nkun jien, b’mod sempliċi ħafna. Nipprova nimxi rett, nipprova nkun raġel, nipprova nkun ġust, nipprova t-taxxa nħallasha, nipprova naqdi dmiri bħala missier jew omm ta’ familja, nipprova mmur il-quddies u nitlob, nipprova kull darba illi nagħmel żball jew dnub, immur inqerr qabel nitqarben. Nista’ nkun jien perfettament. Imbagħad immur quddiem Alla fit-tempju u ngħidlu: ‘Isma’, jien imxejt miegħek sewwa, ara ma jfettillekx tikser difrek miegħi. Ħu ħsieb agħtini skont ma’ ħaqqni. Ħu ħsieb inti wkoll imxi sewwa miegħi, għax jien għalhekk nimxi tajjeb miegħek, biex int timxi tajjeb miegħi’.
Il-Vanġelu miktub b’mod sabiħ ħafna. Jgħidilna li dan il-Fariżew mhux talab, għax inti titlob lil xi ħadd ieħor, inti tirringrazzja lil xi ħadd ieħor. Imma t-traduzzjoni aktar preċiża hi li dar lejh innifsu u rringrazzja lilu nnifsu. Fil-fatt, jekk terġgħu tisimgħuh, ‘nirringrazzjak’ mhux lilek imma lili nnifsi, illi jiena m’iniex bħall-bqija tan-nies l-oħra, żienja, ħalliela u inġusti. Mhux qed jirringrazzja lil Alla, imma lilu nnifsu, u jkompli: ‘Nirringrazzjak li m’iniex bħal dan il-Pubblikan’. Ta’ xiex qed jirringrazzjah lil Alla? Inti tirringrazzja lil xi ħadd meta jagħtik xi ħaġa. Dan qed jirringrazzja lilu nnifsu għal dak li għamel. ‘Jien inħallas l-għexur fuq kulma ndaħħal, fuq kulma għandi’. Mhux biss! Isum mhux darba fis-sena, kif kienu obbligati jagħmlu l-Lhud, imma darbtejn fil-ġimgħa. Dan il-Fariżew nista’ nkun jien meta l-oħrajn narahom dubbien, nibda nissepara: dawk iva u dawk le.
Ġesù fil-Vanġelu tal-lum jgħidilna li jkun kuntent meta jkollu lil kulħadd fil-maqjel tiegħu, meta jkollu lil kulħadd ġewwa, meta l-bieb ikun miftuħ għal kulħadd. Anzi, mhux talli dak il-bieb irid ikun miftuħ għal kulħadd, imma talli inti flimkien mal-komunità li tinġabar hawnhekk, aħna lkoll kemm aħna, imsejħin biex noħorġu b’qalb miftuħa nsejħu lil kulħadd biex jiġi magħna. Għalfejn qegħdin hawn ġew aħna u oħrajn ma ġewx? Għax aħna aħjar? Għax aħna tajbin u l-oħrajn mhumiex? Aħna sempliċiment qegħdin hawn ġew għax nagħrfu li aħna midinbin imma wkoll maħfurin. In-Nisrani mhux il-bniedem tajjeb, m’għandux it-tjubija li tiġi minnu nnifsu, mill-ħiliet u mis-sagrifiċċji tiegħu. Mhux minn hawn tiġi t-tjubija tan-Nisrani. It-tjubija ta’ kull wieħed u waħda minna tiġi biss minn Alla li lilna jħobbna bid-dgħufijiet u d-difetti tagħna. Hawn min id-difetti u d-dgħufijiet tiegħu jidhru għax forsi ma beżax jieħu deċiżjonijiet li aħna nibżgħu nieħdu u forsi rridu u nixtiequ nieħdu. Allura d-difetti u d-dgħufijiet ta’ dak li jkun, jidhru. Imma jista’ jkun li aħna għandna dgħufijiet u difetti li nżommuhom għalina, li ma jidhrux, li naħbuhom, li ngħattuhom u li jagħtuna l-qawwa li nduru lura u nħarsu lejn l-oħrajn u ngħidu: ‘Dak għandu dak id-difett u l-oħra għandha dak id-difett l-ieħor’, għax mingħalija li d-difett tiegħi moħbi! Jista’ jkun li d-difett tiegħi moħbi għalija u moħbi għall-oħrajn, imma mhux moħbi għal Alla.
Allura s-sejħa li nħoss li llum il-Mulej qed jagħmillek, għażiż Dun Anthony, hija proprju din: il-Knisja ta’ veru hija dik li tieħu ħsieb lil dawk li huma fl-aħħar, lil dawk li huma mwarrbin. Jekk tagħmel hekk, tkun qed tagħmel dak illi San Lawrenz, il-Patrun ta’ din il-Parroċċa, għamel sa minn snin ilu: l-imħabba, il-kura, l-għożża tal-foqra, tal-morda u tal-batuti.
Jiena minn qalbi nawgura lilek u lill-komunità li tkun verament mudell fid-Djoċesi tagħna, fuq l-eżempju tal-kbir San Lawrenz, f’din il-Ġurnata Missjunarja u f’din is-Sena ddedikata għas-smigħ tal-Kelma fid-Djoċesi tagħna; tkun verament mudell ta’ dik il-Knisja, ta’ dik il-komunità illi għandha jdejha tant miftuħin u qalbha tant miftuħa li kulħadd jista’ jsib postu, jista’ jħossu komdu, maħbub u aċċettat.