Il-Qorti Ewropea tittollera skandlu fi knisja

Print Friendly, PDF & Email

Ftit qabel il-Milied ta’ Diċembru 2013, mara Franċiża Eloïse Bouton, daħlet nofsha mneżżgħa u miksija bi slogans favur l-abort fil-knis.ja famuża ta’ Pariġi, dik tal-Madeleine, u ħarbtet prova  tal-kant li kienet qed issir bi tħejjija għall-Milied.

Eloïse Bouton qagħdet bilwieqfa quddiem l-altar tan-nofs, liebsa velu ikħal biex twaqqa għaċ-ċajt lill-Verġni Marija. Dirgħajha kienu miftuħa f’għamla ta’salib u kellha biċċiet ta’ fwied tal-annimali li jirrapreżentaw il-fetu tat-tarbija. Imbagħad għamlet ‘mime’ biex turi li qed isir l-abort ta’ Ġesù, qabel ma urinat fl-art quddiem għajnejn in-nies mistagħġba.

Bouton kienet membru tal-grupp femminista ‘Femen’, li wara dan l-att sagrilegu, kitbu hekk fuq il-facebook tagħhom: “Il-Milied spiċċa! Mill-Vatikan għal Pariġi. Ir-‘relay’ internazzjonali tal-‘Femen’ bi tweġiba għall-kampanji mmexxija minn gruppi Kattoliċi li qed issir kontra l-abort, se tkompli. L-omm qaddisa Eloïse għadha kif abortiet l-embriju ta’ Ġesù fuq l-altar tal-Madeleine.”

Ir-rapport mill-Kappillan tal-knisja tal-Madeleine wassal biex il-pulizija arrestaw lill-attivista u Eloïse Bouton ittellgħet il-qorti. Ingħatat sentenza sospiża ta’ xahar ħabs fuq l-akkuża ta’ wiri ta’ atti sesswali. Is-sentenza kontra Bouton ġiet konfermata meta sar l-appell u wkoll mill-ogħla qorti ta’ Franza, imsejħa l-‘Court de Cassation’.

Bouton ħarrket lill-qrati Franċiżi fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. F’deċiżjoni fil-11 ta’ Ottubru 2022, il-Qorti Ewropea kkundannat lil Franza li kienet sabet ħatja lil Bouton. Il-Qorti Ewropea kkundannat lil Franza biex tħallas lill-femminista t-total ta’ 9,800 euro – 2,000 euro għal ħsara morali u 7,800 euro għall-ispejjeż tal-Qorti.

Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem

Skont il-Qorti Ewropea, il-qrati Franċiżi kienu kisru artiklu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-libertà tal-espressjoni, minħabba li s-sentenza ta’ ħabs  kienet “imposta fil-kuntest ta’ dibattitu politiku jew pubbliku.” L-imħallfin iddeċidew unanimament li l-femminista, li rreċtat li qed tabortixxi lil Ġesù fuq l-altar tal-knisja ta’ La Madeleine kienet qegħda “teżerċita’ l-liberta’ tal-espressjoni” tagħha..

Fil-verdett tagħhom, l-imħallfin tal-Qorti Ewropea kitbu li: “F’dan il-każ, dwar l-għan ewlieni tal-azzjoni tal-applikanta, ma kinitx allegata mġiba insolenti jew ta’ mibegħda. L-għan tagħha kien li l-att li għamlet jikkontribwixxi lill-pubbliku dibattitu fuq id-drittijiet tan-nisa.”

Il-Qorti Ewropea nnutat ukoll li l-qrati Franċiżi “illimitaw ruħhom biex jeżaminaw il-kwestjoni tal-għera ta’ sidher il-femminista tal-‘Femen’ f’post ta’ qima b’iżolazzjoni mill-performance kollha li kienet parti minnha. Għamlu dan mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni, fil-bilanċ ta’ dak kollu involut, it-tifsira li nagħtat lilhom tal-imġiba tal-applikant.

Kienu diversi l-Kattoliċi li kkumentaw kontra din id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea. Il-kittieba Blanche Streb kitbet: “Li tattakka s-simboli tal-Kristjanità, ukoll jekk biex tipprova s-saħħa tagħha, hi fuq kollox li tinsa dak li d-drittijiet umani u d-demokrazija moderna jafu lill-Kristjanità: id-dinjità inaljenabbli tal-bniedem.”

Grégor Puppinck, direttur taċ-Ċentru Ewropew għal-Liġi u l-Ġustizzja kkritika d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea bħala sapport moħbi għall-blasfema anti-Kristjana, u lmenta li “saret drawwa tal-Qorti Ewropea li tiddefendi dawn l-attakki fil-knejjes u attakki oħra kontra l-Knisja.”

“Il-każ Bouton v Franza”, issuġġerixxa Puppinck, “kien indikazzjoni ta’ standard doppju.” Filwaqt li ġab raġunijiet għat-tħassib ta’ deċiżjonijiet li għad jingħataw, il-ġurista Franċiż qal: “Il-qorti ma kinitx tappoġġja l-wirja makabra ta’ Bouton kieku din saret f’xi moskea jew madwar il-bini tal-qorti.”

Storja bħal din seħħet fil-25 ta’ Diċembru 2013 fil-Ġermanja. Din kienet wasslet għall-arrest ta’ attivista oħra tal-‘Femen’ li nvokat il-“libertà tal-espressjoni” bħala d-difiża tagħha. Il-qorti ta’ Cologne kienet sabet lil Josephine Witt ħatja ta’ “tfixkil f’funzjoni reliġjuża”, meta ppruvat taqbeż imneżża’ għall-altar tal-katidral ta’ Cologne, bil-kliem “Jiena Alla” impinġi fuq sidhirha.

Joe Galea

%d bloggers like this: