L-Isqof George Frendo mal-istudenti

Print Friendly, PDF & Email

Arċisqof Emeritu ta’ Tiranë-Durrës fl-Albania
Omelija f’Quddiesa tal-Gradwazzjoni
16 ta’ Novembru 2022

Aċċettajt bi pjaċir li niċċelebra din il-quddiesa fl-okkażjoni tal-gradwazzjoni tagħkom, egħżież studenti. Għax nemmen ħafna fikom bħala l-persuni li għandkom u se jkollkom responsabbiltà kbira għall-bini tas-soċjetà maltija.

Temmejtu l-kors u ksibtu d-degree wara snin li żgur talbu minnkom sagrifiċċji kbar. Iżda dan ma jfissirx li issa addio kotba u studju. L-Ewwel Qari li smajna qalilna ċar u tond: “Agħżel li titgħallem, u sa ma jibjad xagħrek issib l-għerf”. U kompla jgħidilna: “Jekk tħobb tisma’, titgħallem; u jekk tagħti widen, issir għaref”. Kliem importanti ħafna għalina lkoll, għax il-kotba tagħna mhumiex biss dawk li għandna fil-bibljoteki u l-libreriji privati tagħna, iżda huma wkoll kotba ħajjin, in-nies li niltaqgħu magħhom, nies ta’ kultura imma wkoll in-nies sempliċi li niltaqgħu magħhom kull ħin u kullimkien.

Fl-Evanġelju smajna silta minn dik it-talba sabiħa li għamel Ġesù qabel ma daħal għall-passjoni tiegħu, fejn talab għad-dixxipli tiegħu: “La twarrabhomx mid-dinja”. Intom fid-dinja u tridu taħdmu fid-dinja. Il-professjoni li intom stess għażiltu hija mezz biex tagħtu servizz lis-soċjetà. Hemm bżonn li narawkom fuq quddiemnett fil-bini ta’ Malta aħjar.

Kull meta, fis-snin li kont arċisqof fl-Albanija, kelli okkażjoni nżur ċentri edukattivi (inkluża l-Università Kattolika) dejjem insistejt li edukazzjoni timplika mhux biss informazzjoni (jiġifieri t-tagħlim ta’ diversi materji), imma wkoll formazzjoni. U jiena nawguralkom li s-snin li għaddejtu fl-Università swewlkom għall-formazzjoni almenu f’erba’ dimensjonijiet.

L-ewwelnett, għal formazzjoni aktar globali tal-personalità u tal-intelliġenza tagħkom. L-ideja ta’ università bħala universitas sċientiarum nibtet mill-ħtieġa ta’ komunikazzjoni bejn id-diversi xjenzi. Kull realtà parzjali hi inter-konnessa fi ħdan it-totalità tar-realtà. Kull fergħa tax-xjenza għandha tifsira umana, u xjenza umana jeħtieġ tisma’ x’qed jgħidu x-xjenzi l-oħra dwar ir-realtà. Għax l-universitajiet huma l-imħuħ tad-dinja u għandhom ir-rwol li jumanizzaw id-dinja. Għalhekk l-università tippresupponi awtonomija akkademika.

It-tieni, għal aktar sens ta’ responsabbiltà għall-futur u għall-ġid komuni. Il-mibki Kardinal Leger darba qal: To think only of the past is merely to cry, to think only of the future is merely to dream, to think only of the present is merely to stand still. Irrid inħeġġiġkom, mela, biex ma tbarru qatt l-għana tal-kultura maltija li writna, li tkunu għaqlin biżżejjed biex taqraw is-sinjali taż-żminijiet preżenti, imma wkoll li tħarsu bil-kuraġġ lejn il-ġejjieni. X’tip ta’ ‘Malta’ tridu tħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri tagħkom? Liema valuri tridu tikkomunikaw lil uliedkom? U qatt tinsew li l-ħajja nnifisha hija don, anki l-intelliġenza u l-kwalitajiet tajbin tagħkom huma don, u kull don ta’ Alla huwa għas-servizz. Irrid nisħaq li għandkom tirrealizzaw li Malta għandha bżonnkom, għandha bżonn nies li jemmnu fil-valuri veri, onesti, li jqegħdu l-ġid komuni qabel dak personali, maturi biżżejjed li ma jitkaxkrux mill-mentalità materjalista ta’ dawk li, biex iħaxxnu bwiethom, lesti anki li jkerrħu l-ġmiel tal-gżejjer tagħna. Imma ejjew inħarsu lejn il-futur bit-tama, dik it-tama li tagħtina l-kuraġġ quddiem l-isfidi li qed jippreżentawlna żminijietna.

It-tielet, għal aktar impenn għall-verità. Hija magħrufa biżżejjed dik l-espressjoni Latina: Amiċus Plato, sed magis amiċa veritas – Platun huwa ħabib, imma ħabib akbar hija l-verità. Għalhekk kellu raġun Ġesù meta qal: “Il-verità tagħmilkom ħielsa”. Ġesù nnifsu tana eżempju ta’ din il-libertà li tiġi mir-rispett lejn il-verità. Libertà minn  (freedom from)u libertà għal (freedom for). Il-libertà minn uriha f’konfront mal-liġi l-qadima (“Smajtu xi ntqal fl-imgħoddi… imma jiena ngħidilkom…”). Uriha wkoll f’attitudni ta’ indipendenza mill-awtoritajiet ċivili u reliġjużi, meta ħass il-ħtieġa li juri nuqqas ta’ qbil magħhom; indipendenza mill-idejat kurrenti, għalhekk tħallat mal-midinbin u resaq lejn l-imġiddmin; indipendenza saħansittra mix-xewqat tas-segwaċi tiegħu, li stennewh ikun messija politiku u li jivvendika ruħu minn dawk li ma kinux laqgħuh. Alexis de Toċqueville, wara żjara fl-Istati Uniti, kiteb il-ktieb interessanti Demoċraċy in Ameriċa, fejn fost ħwejjeġ oħra jgħid: Religion has taught us the art of being free.

U r-raba’, għal aktar awareness  mil-limitazzjonijiet tagħna u mill-ħtieġa li niskopru lil Alla. Nerġa’ nikkwota lil Alexis de Tocqueville: Eighteenth century philosophers had a very simple explanation for the gradual weakening of beliefs. Religious zeal, they said, was bound to die down as enlightenment and freedom spread. It is tiresome that the facts do not fit this theory at all. Il-Giżwita Gerald O’Collins, fil-ktieb tiegħu The Theology of Secularity, jgħid: Men have far from lost their sense of religion. L-istess iżżomm Graċe Davie, professur tas-Soċjoloġija tar-Reliġjon fl-Università ta’ Exeter, u ssemmi xi eżempji: The best one, I think, is what happened in Sweden, supposedly the most secular society in Europe … when the Baltc ferry, the Estonia, sank. Where did the Swedish people go? Straight to their churches”. Il-politika tista’ tbiddel l-istrutturi ta’ soċjetà, ix-xjenzi empiriċi jistgħu ibiddlu idejat, iżda hija biss ir-reliġjon li tista’ tbiddel il-qlub.

Ippermettuli nżid, qabel ma nagħlaq din l-omelija, żewġ ħsibijiet oħra. L-ewwel ħsieb se nesprimih bi kwotazzjoni mill-ktieb Morality ta’ Jonathan Sacks, ex-Rabbi tal British Commonwealth u li miet sentejn ilu: A nation is strong when it cares for the weak, it becomes rich when it cares for the poor; it becomes invulnerable when it cares for the vulnerable. If we care for the future of democracy, we must recover that sense of shared morality that binds us to one another in a bond of mutual compassion and care. There is no liberty without morality, no freedom without responsibility, no viable “I” without the sustaining “we”. Aktar minn elfejn u ħames mitt sena ilu kienu l-profeti l-ewwel nies li ċanfru slaten u nies għonja korrotti a favur tal-foqra, r-romol, l-iltiema u l-vittmi ta’ inġustizzja. Kienet ir-reliġjon ġudeo-kristjana li għallmitna l-valuri tas-solidarjetà mal-fqar u l-batuti, inklużi immigranti.

It-tieni ħsieb tiegħi huwa dwar il-biża minn commitment definittiv li nosserva fil-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ. Fil-ktieb Clowns of God ta’ Morris West, Katrin, ta’ 19-il sena, qed tgħid lil missierha, Carl Mendelius, li trid tmur ġita Pariġi man-namrat tagħha. Ommha ma tridhiex, għax għad mhumiex miżżewġin. Missierha jistaqsiha: “Intom għax ma tiżżewġux?” Twieġeb: “We’re both afraid”. – “Afraid of what?” – “Of always… just that. Of getting married and trying to make a home, while the whole world could tumble round our ears in a day. You older ones don’t understand. You’ve survived a war. You’ve left us! All along the borders there are rocket launchers and missile silos. The oil’s running out so we’re using atom power and burying the waste that will one day poison our children. You’ve given us everything except tomorrow! I don’t want my baby to be born in a bomb shelter and die of radiation sickness! All we’ve got is today and loving each other and we think we’ve got a right, at least to that!” Bħal Katrin, ħafna llum qed jibżgħu jiżżewġu, jibżgħu jaċċettaw sejħa għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża. Mhux għall-istess raġuni ta’ Katrin, imma sempliċement għax iħossuhom mhux kapaċi jidħlu għal impenn għal żmien definittiv. Jien ukoll, darba, qabel ma ġejt ordnat saċerdot, esperjenzajt dak il-biża: Jiena kapaċi ngħid ‘iva’ lill-Mulej darba għal dejjem? Jiena kapaċi ngħix ħajja ċelibi sal-mewt? Iżda għamilli kuraġġ kliem San Pawl: “Kollox nista’ nagħmel, bis-saħħa ta’ Dak li jqawwini”.

U dan qed jitolbu minnkom Alla, il-Knisja, u s-soċjatà Maltija llum: li taffrontaw il-ġejjieni bil-kuraġġ, dak il-kuraġġ li tatina t-tama, waqt li tibqgħu tiftakru li l-ġid komuni għandu jkollu preċedenza fuq kull interess personali.

%d bloggers like this: