F’dan l-Avvent nitolbu lil San Ġorġ Preca biex Alla jsalvana

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 18 ta’ Diċembru 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fir-raba’ Ħadd tal-Avvent. Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera, Santa Venera.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Tibżax tieħu għandek lil Marija” (Mt 1:20). Din hija l-istedina li l-anġlu tal-Mulej jagħmel lil Ġużeppi ta’ Nazaret. Hija stedina biex jagħmel kuraġġ f’sitwazzjoni ta’ diffikultà kbira. L-għarusa tiegħu Marija ħarġet tqila u hu jaf li mhuwiex il-missier. X’se jagħmel? Bl-għerusija, skont il-liġi Lhudija, kienet diġà marbuta miegħu, marbuta miegħu bil-wegħda tal-fedeltà. Il-fatt li għandha wild ta’ ħaddieħor ipoġġi quddiem dan ir-raġel ġust problema, dilemma kbira: x’se nagħmel? Il-liġi kienet tagħtih il-poter li jikkundannaha talli marret ma’ ħaddieħor, u titħaġġar, joqtluha u waqt li joqtlu lill-omm joqtlu wkoll lit-tarbija.

Ġużeppi mill-qalb ġusta tiegħu mimlija mħabba, mingħajr ma jidhirlu l-ebda anġlu, jieħu deċiżjoni ta’ raġel ġust li kien: lil din il-mara li għandha tarbija mhux minn tiegħi, ta’ ħaddieħor, mhux se nikkundannaha għall-mewt, insalva lilha u lit-tarbija. Imma ntellaqha bil-moħbi tan-nies. Mhux se numiljaha, imma la marret ma’ ħaddieħor, mhux tiegħi (ara Mt 1:19). Hawnhekk diġà naraw il-kobor ta’ San Ġużepp, id-deċiżjoni tiegħu li ma jkunx kompliċi mal-kundanna għall-mewt, la tal-omm u lanqas tat-tarbija, imma jsalva t-tnejn.

Imma l-Mulej jixtiequ jagħmel xi ħaġa oħra. Jixtiequ li lil din l-omm u lit-tarbija tagħha jilqagħhom għandu għax Marija hi martu, mgħarrsa miegħu, imwiegħda lilu, u t-tarbija veru mhux ta’ Ġużeppi. L-Evanġelju stess mal-ewwel jgħid li “saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:18). U l-anġlu ma tantx joqgħod jispjegalu lil Ġużeppi imma jgħidlu li dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Jgħidlu wkoll li se jkollha tifel, se jkollha iben u jagħtih ukoll poter fuq dan it-tifel. Jgħidlu: “Inti ssemmih Ġesù” għax il-Missier jagħti l-isem skont il-liġi Lhudija fit-tmien jum kif se naraw fl-1 ta’ Jannar. U jagħti wkoll lil San Ġużepp il-missjoni ta’ dan it-tifel: “Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1:21).

Fi ftit kliem il-Mulej jgħarraf lil Ġużeppi l-identità tat-tifel, l-isem li jrid jagħtih, għax l-isem magħżul għal dan it-tifel – Ġesù, Jeshua – ifisser Alla jsalva u jikkonferma li dan it-tifel mhux biss għandu dan l-isem, imma se jagħmel dak li jfisser ismu: isalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom. Se jsalva lili u lilek, isalva lili u lilek minn dnubietna.

“Tibżax tilqa’ għandek, tieħu għandek lil Marija” (Mt 1:20). Dan hu l-kliem li jistieden lil kull wieħed u waħda minna f’din l-aħħar parti tal-istaġun sabiħ tal-Avvent u nistgħu nifhmu għaliex l-Ewwel Qari jagħtina l-profezija sabiħa ta’ Iżaija li l-Evanġelju stess jirrepeti: “Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta Iżaija meta qal: ‘Ara x-xebba tnissel u jkollha iben u jsemmuh Għimmanu-El’” (Mt 1: 22-23). Tgħiduli: ‘imma ma jgħidx isemmuh Ġesù.’ Għalina Għimmanu-El qisu l-laqam li l-profeta jagħti lit-tifel ta’ din ix-xebba għaliex ukoll din hi l-missjoni ta’ Ġesù ta’ Nazaret, it-tifel ta’ Marija ta’ Nazaret, li quddiem il-liġi minn issa ’l quddiem hu t-tifel ta’ Ġużeppi wkoll.

Tant hu hekk li, quddiem in-nies, il-Madonna lil Ġesù kienet tgħidlu “missierek u jien” (Lq 2:48) għax quddiem il-liġi, quddiem il-poplu, Ġużeppi jsir il-missier legali ta’ Ġesù. U Ġużeppi jifhem li għandu din ir-responabbiltà kbira ta’ ħarsien, mhux biss tal-omm, imma tat-tarbija u tal-missjoni tagħhom. U dan il-laqam li jagħti l-profeta Iżaija lit-tarbija jfisser l-istil ta’ Alla magħna, Alla magħna, Alla jimxi magħna billi jkun magħna, fostna. Għalhekk fl-Avvent nirrepetu dak l-innu sabiħ “Ejja fostna”; għalhekk ukoll id-dixxipli ta’ Għemmaws lil Ġesù jgħidulu: “ibqa’ magħna” (Lq 24:29).

Aħna, f’dan il-jum qaddis tar-raba’ Ħadd tal-Avvent, nitolbu lil Ġesù jibqa’ magħna, ikun għalina Għimmanu-El, Alla magħna. Għaliex? Għax għandna bżonnu li jsalvana. Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok, għandi bżonn li ssalvani.

Qiegħed nieħu pjaċir li f’din il-parroċċa għażiża għandkom statwa ħelwa ta’ San Ġorġ Preca bil-Bambin f’idejh. Qegħdin fil-parroċċa fejn Dun Ġorġ Preca għex l-aħħar xhur ta’ ħajtu u fejn miet ftit ’il bogħod minn hawn. U miet propju fil-festa ta’ Santa  Venera fis-26 ta’ Lulju li taħbat ukoll il-festa ta’ Sant’Anna. Propju l-Mulej bagħtu fil-parroċċa ta’ Santa Venera u sejjaħlu fil-festa ta’ Santa Venera fis-26 ta’ Lulju 1962.

Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ Dun Ġorġ li fil-qalb tagħna tidħol persważjoni kbira, b’mod speċjali f’dan il-mument tal-Avvent, dik it-talba li għallimna u li tant kien jirrepeti bil-qalb Dun Ġorġ: Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok. Ġesù, kun għalija Salvatur. Ġesù, kun għalija Salvatur.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 7:10-14
Salm: 23(24):1-2,3-4ab,5-6
Qari II: Rum 1:1-7
L-Evanġelju: Mt 1:18-24

Sors: www.knisja.mt

Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: