Jalla fil-kultura tagħna kull wild jibqa’ aħbar tajba u barka

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 24 ta’ Diċembru 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fis-Solennità tal-Vġili tat-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Katidral Metropolitan tal-Imdina.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir” (Iż 9:1). Hekk jgħid il-profeta Iżaija fil-profezija li qrajna llum f’dan il-lejl qaddis: “Il-poplu li kieni miexi fid-dlam ra dawl kbir”.

Din hi l-kelma wkoll li biha aħna l-Maltin kull 10 ta’ Frar nibdew il-liturġija solenni f’ġieħ in-nawfraġju tal-Appostlu Misierna San Pawl. Għax aħna konna poplu miexi fid-dlam u rajna dawl kbir meta Pawlu, l-appostlu missierna laqqagħna ma’ Ġesu ta’ Nazaret.

Dun Karm, 100 sena ilu, meta kkompona l-Innu Malti fl-1922 fakkar fit-talba tiegħu lil Alla li l-Mulej għoġbu jlibbes lilna, lil pajjiżna, lil din l-art ħelwa b’dawl ħelu, b’dawl l-iżjed ħelu, l-oħla dawl: “Ftakar li inti bl-oħla dawl libbist” (l-Innu Malti). U dan id-dawl kbir li jiddi f’dan il-lejl, jiddi fid-dlam tal-egoiżmu tagħna, tar-rabja tagħna, tal-materjaliżmu tagħna. Jiddi fid-dlam ta’ proġetti li jmorru kontra d-dinjità tal-bniedem li jkasbruha f’isem is-saħħa.

Illum nitolbu li dan id-dawl jibqa’ jiddi fid-dlamijiet taż-żminijiet tagħna. “In-nies li joqogħdu f’art id-dlam, dawl idda fuqhom” (Iż 9:1). U x’inhu dad-dawl? Mhuwiex dawl li jagħmik biex inti ma tibqax tirraġuna, imma dawl li jdawwal il-menti, il-qalb u l-kuxjenza. Hi stedina ħelwa ta’ min iħobbok u jħenn għalik, ta’ min ma ġiex biex ikissrek u jiġġudikak, u hekk jixtieqna li nkunu u nġibu ruħna ma’ xulxin, mhux li ngaraw il-ġebel imma bil-kelma tal-għaqal, bir-rispett u bl-umiltà ndawlu l-kuxjenxa ta’ xulxin.

Meta joktor il-ġens, joktor, għax il-ġens jilqa’ kull tarbija li titwieled bħala don u mhux toqol, bħala rigal u mhux theddida.

“Int kattart il-ġens, kabbart il-hena huma ferħu quddiemek” (Iż 9:2). Iżaija, biex ifehimna x’inhi l-barka ta’ dan id-dawl juża dan il-kliem profond: “kattart il-ġens” u meta joktor il-ġens, joktor, għax il-ġens jilqa’ kull tarbija li titwieled bħala don u mhux toqol, bħala rigal u mhux theddida. Hekk jitkattar il-ġens: “Int kattart il-ġens, kabbart il-hena”.

It-talba tagħna f’dan il-jum qaddis, għarkubbtejna quddiem it-tarbija umli ta’ Betlehem, hi talba umli wkoll: li l-Mulej ikompli jkattar il-ġens tagħna, mhux ikissru jew iqattgħu b’idejna stess u jkabbar il-hena mhux il-hemm. “Huma ferħu quddiemek. Il-madmad li kien itaqqlu,” jgħid Iżaija, “il-ħatar ta’ fuq spallejh il-bastun tal-argużin il-Mulej ikissirhom” (Iż 9:2-3). Jalla kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa meta fi żmienna qed tiħrax gwerra mhux imbiegħda ħafna minna, gwerra inġusta. Anke fuq dan jitkellem Iżaija u jitkellem ukoll fuq “il-mantell mgħargħar fid-demm” (Iż 9:4), fid-demm tal-vittmi innoċenti, tar-regħba u l-kumdità ta’ min jista’ jifhem aħjar.

Ejjew nitolbu lil dan it-tifel li tweldilna llum biex idawwal l-imħuħ, jagħti d-dehen bħalma talab Dun Karm fl-Innu Malti li jagħlaq 100 sena f’dawn il-ġranet, li jberikna bil-ħniena, bis-saħħa, bil-għaqal, bl-għaqda u bis-sliem u li niftakru li din l-art ħelwa kienet dejjem imħarsa u li llum nitolbuh li l-Mulej ikompli jħarisha “Għax illum tweldilna tifel, ingħatalna iben” (Iż 9:5) u għalina u fil-kultura tagħna jalla kull wild jibqa’ aħbar tajba, barka u sliem.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 52:7-10
Salm: 97(98):1,2-3ab,3ċd-4,5-6
Qari II: Lhud 1:1-6
L-Evanġelju: Ġw 1:1-18

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: