L-għażla ta’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 26 ta’ Frar 2023: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Ewwel Ħadd tar-Randan. Knisja Parrokkjali Lunzjata, Balzan.                                                                           

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Il-ġrajja tat-tentazzjonijiet ta’ Ġesù, li smajna fl-Evanġelju skont San Mattew, hija ġrajja li għandha ħafna dawl u għajnuna x’tagħtina għall-ħajja tagħna.

Jekk ix-xitan ittanta lil Ġesù, li hu bin Alla, kemm aktar nistennew li jittanta lilna! Għalhekk dan ir-rakkont jagħmlilna l-qalb, għax jurina li t-tentazzjonijiet huma parti mill-ħajja, nistennewhom, u li rridu nagħmlu aħna hu li noqogħdu attenti ħalli ma nċedux għat-tentazzjonijiet imma nagħrfu nagħżlu t-tajjeb mill-ħażin. Hawn tolqtok kif lil Ġesù x-xitan ittantah fid-deżert, imbagħad fuq il-quċċata tat-tempju, u fuq il-muntanja. Din tfakkarna li ma hemmx xi post wieħed partikulari fejn aħna rridu noqogħdu attenti, imma dejjem u kullimkien.

Nixtieq li nħarsu lejn dawn it-tentazzjonijiet ta’ Ġesù, u naraw il-messaġġ importanti għall-ħajja tagħna.

Ma użax il-poter għall-benefiċċju tiegħu

Fl-ewwel tentazzjoni, ix-xitan jgħidlu: “Jekk inti bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż” (Mt 4:3). Dan kien fil-mument li Ġesù kien bil-ġuħ, għax kien sajjem għal erbgħin jum. Għalhekk qed jgħidlu xi ħaġa li minn barra tidher tajba: li jtaffi l-ġuħ. Jekk hu kapaċi li l-ġebel jagħmlu ħobż – u kien kapaċi, bħalma kien kapaċi aktar ’il quddiem li jitma’ eluf bi ftit ħobżiet – għaliex le issa? X’hemm ħażin? X’fiha?

Hawn ix-xitan ried lil Ġesù li juża l-poter tiegħu għall-benefiċċju tiegħu, biex jinqeda hu, flok jagħmel dak li jrid il-Missier. Għalhekk Ġesù jwieġbu: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4:4). Aħna għandna l-ħtiġiet materjali, imma għandna wkoll il-bżonn tal-kelma ta’ Alla li tagħti t-tifsira lill-ħajja tagħna. Li jfakkarna hawnhekk hu fit-tentazzjoni li kultant ikollna aħna li nużaw il-poter tagħna biex ninqdew aħna, għall-gwadann tagħna, biex nissodisfaw dak li nħossu, flok li nagħrfu dak li jrid minna Alla. Dit-tentazzjoni  negħlbuha jekk ma nfittxux is-soddisfazzjoni tal-egoiżmu tagħna imma dak li jitlob minna Alla.

Ma użax il-poter biex jimpressjona

Fit-tieni tentazzjoni, ix-xitan jgħidlu: “Jekk inti bin Alla, inxteħet għal isfel” (Mt 4:5). Jgħidlu: jekk tagħmel hekk, l-anġli jiġu jieħdu ħsiebek, jerfgħuk, u ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla. Hawn it-tentazzjoni hija li juża l-poter biex jimpressjona lin-nies bil-qawwa tiegħu, jiġbed l-attenzjoni fuqu, u l-oħrajn jaqduh. Li taqbeż minn fuq il-quċċata tat-tempju biex jilqgħuk hi t-tentazzjoni li timpressjona b’xi ħaġa sensazzjonali, u ssib min jaqdik waqt li timpressjona.

Imma Ġesù ġie biex jaqdi, mhux biex jaqduh. U ried jagħmel dan mhux b’ħafna ħoss u storbju, imma fil-kwiet. Din it-tentazzjoni tfakkarna kemm irridu noqogħdu attenti li dak li nagħmlu ma nagħmluhx biex nimpressjonaw, u ma nużawx il-poter li jkollna biex noħolqu sensazzjoni li biha aħna nkunu fiċ-ċentru u l-oħrajn għall-qadi tagħna. Negħlbu din it-tentazzjoni jekk ikollna l-ispirtu ta’ qadi ta’ Ġesù, fejn l-oħrajn huma fiċ-ċentru.

Ma użax il-poter biex jagħmel kompromess mal-ħażin

It-tielet tentazzjoni hija l-aktar waħda sfaċċata. Ix-xitan jieħdu fuq muntanja għolja u jgħidlu li jagħtih is-saltniet kollha tad-dinja “jekk tinxteħet tadurani” (Mt 4:9). Hija t-tentazzjoni tal-kompromess ma’ dak li hu ħażin, biex tikseb aktar poter, biex tikseb dejjem aktar.

Nafu kemm hi tentazzjoni kbira din. Kultant għall-poter, jew għal iżjed poter, wieħed ikun lest li jikkomprometti lilu nnifsu billi jagħżel dak li hu ħażin. Meta wieħed jagħżel li jiffroda, li jgħum fil-korruzzjoni, li jinseġ xibka ta’ ħażen, biex iktar jakkwista taħt idejh – dawn huma eżempji tal-adorazzjoni tal-ħażen. Negħlbu din it-tentazzjoni billi qatt ma nitilfu l-kriterju ta’ dak li hu tajjeb u ħażin, u ma nkunux lesti għall-kompromessi mal-ħażin fejn jidħlu l-prinċipji tagħna.

Għażla tul il-ħajja kollha

Innutaw kemm dawn it-tentazzjonijiet jolqtu l-ħajja tagħna: kif aħna nużaw dak li aħna u dak li għandna għat-tajjeb, għall-ġid, biex naqdu, u mhux għalina nfusna biex ninqdew aħna u biex nakkwistaw aħna.

Ġesù jagħmel għażliet ċari hawn u ħajtu kollha. Mhuwiex hawn biss fejn narawh iġarrab it-tentazzjonijiet imma tul ħajtu kollha. Sal-mument meta kien fuq is-salib, u dawk li kienu qed jgħajruh qalulu kliem li jixbah ħafna dan il-kliem tat-tentazzjonijiet fil-bidu tal-ħajja tiegħu: “Salva lilek innifsek, jekk int l-iben ta’ Alla…” (Mt 27:40)

Nitolbu lill-Mulej illum biex jgħinna fit-tentazzjonijiet li jkollna. Biex nagħrfu li x-xitan jaħdem ħafna bil-qerq, billi jingannana, billi dak li hu ħażin ipinġihulna bħala tajjeb.  Nagħrfu wkoll li, bħalma hi l-espressjoni bl-Ingliż, ix-xitan jikkwota anke l-Iskrittura fejn jaqbillu. Hawnhekk darbtejn jikkwota l-Iskrittura. Mhux li tikkwota l-Iskrittura jgħodd. Irridu nagħrfu fejn hemm qerq. Il-Mulej jagħtina l-għerf, id-dehen u l-għajnuna tiegħu biex nagħrfu l-qerq tax-xitan, u nagħrfu nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu dak li hu ħażin. Dan hu l-messaġġ sabiħ li jagħtina llum il-Mulej.

Nitolbuh biex aħna ma nibżgħux fil-mumenti tat-tentazzjonijiet, imma nafdaw fl-għajnuna kbira ta’ Alla li tgħinna negħlbu t-tentazzjonijiet tal-ħajja tagħna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: