Minn Patri Juan De Bono ocd
Fi żmien ta’ riforma, li ħalliet il-knisja maqsuma sa żminijietna, Tereża ta’ Ġesu’ skopriet li dan Alla sar bniedem bħalna, u li għalhekk kull meta nsibu ħin għaliH, il-hena tagħna tikber. Tereża ta’ Ġesu’ għaddiet minn bosta burraxki matul il-ħajja twila tagħha (bħal kullħadd), imma ġaladarba kellha lil Dan is-sieħeb fil-mixja magħha, Tereża setgħet tibqa’ għaddeja b’determinazjoni determinata (kif kienet titlob minn uliedha) fil-mixja tagħha.
Il-ferħ Tereżjan huwa frott ta’ din il-kuxjenza nterjuri li Alla mhux ‘il bogħod minna, li Alla jgħammar fina. Iva dazgur, ikun hemm mumenti ta’ dlam ukoll, bħal dawk li għaddiet minnhom Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’, imma qalbek tgħidlek li x-xemx xorta għadha tiżreġ, ukoll jekk mgħottija bis-sħab. Santa Elizabetta tat-Trinita’, kontemporanja ta’ Tereża tal-Bambin Ġesu’ tikteb hekk: ‘hi ma tieqafx aktar fuq gosti, fuq sentimenti; ftit jimpurtaha jekk hix qiegħda tħoss lil Alla jew le; ftit jimpurtaha jekk jagħtihiex il-ferħ jew it-tbatija: hi temmen fl-imħabba tiegħu. Aktar ma hi mġarrba, aktar il-fidi tagħha tikber, għax hi tgħaddi ‘l hinn, biex ngħid hekk, mill-ixkiel kollu biex tmur tistrieħ fuq sider l-Imħabba infinita, li ma tistax tagħmel ħlief għemejjel ta’ mħabba. Għalhekk għal din ir-ruħ kollha kemm hi għassa fil-fidi tagħha l-leħen tal-Imgħallem jista’ jgħidilha fis-sigriet intimu din il-kelma li hu darba indirizza lil Marija Maddalena: “Mur bis-sliem, il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 7, 50) (Is-Sema fil-fidi 20).
Il-bniedem jaħseb li huma l-flus, il-poter, u li jqiegħed lilu nnifsu fiċ-ċentru, li se jagħmluh ħieni. U aktar ma jfittex l-hena f’dawn il-ħwejjeġ, aktar jaqbdu għatx għal ferħ ieħor li ma jintemx, ferħ li l-ebda ċirkostanza ma tista’ tisraqlek. Dan hu s-sigriet li l-Qaddisin skoprew. Kemm ikun għaqli li niskopri din l-għajn kmieni fil-ħajja, u ma naħlux ġidna, u ż-żmien qasir li għandna niġru wara r-riħ, li jiġi jġorr miegħu dak kollu li ma jkollux għeruq fondi, inkluż il-ferħ, li tant inkunu qegħdin niġru warajh.
Għalhekk il-Knisja dejjem tippreżentalna fuq naħa minnhom it-tliet tentazjonijiet perenni li d-demonju jipprova jaqbadna bihom (fl-ewwel Ħadd tar-Randan) u fit-Tieni Ħadd twasslilna l-mument li fih Ġwanni, Ġakbu u Pietru raw lil Ġesu’ bid-dinjita sħiħa tiegħU ta’ veru Alla u veru bniedem. Aħna mhux biss imsejħin biex ġurnata nissieħbu f’dik il-glorja bħat-tliet Appostli, imma ġa minn din il-ħajja stess nistgħu nibdew ngħixu Sema antiċipat, u dan jekk niskopru li t-Tliet Persuni Divini jgħammru ġewwa fina, li qalbna hi t-Tabor magħżula minn Alla biex jurina min tassew Hu. Nawguralek għalhekk għażiż qarrej Randan Qaddis, Randan li fih niftħu l-bieb ta’ qalbna biex niskopru l-għajn li ma tinxef qatt li tnixxi minn ġewwa fina.