Il-Papa jitlob għall-migranti mitlufa fil-baħar fl-aktar traġedja riċenti fil-Mediterran

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, il-Papa Franġisku dawwar ħsibijietu fuq il-ħajjiet mitlufa fi traġedja oħra fil-Baħar Mediterran, li fiha għexieren ta’ nies tilfu ħajjithom meta d-dgħajsa mgħobbija żżejjed tagħhom għerqet f’baħar imqalleb.

Waqt li kien qed jindirizza lill-fidili miġbura għall-Angelus tal-Ħadd, il-Qdusija Tiegħu spjega li ftit ‘il barra mill-kosta tal-Calabria fl-Italja, ġew irkuprati ‘l fuq minn 40 katavru, inkluż katavri ta’ ħafna tfal. “Nitolbu għalihom”, qal il-Papa, u “għal dawk li huma mitlufa, u għal dawk li baqgħu ħajjin”, żied jgħid.

Il-Qdusija Tiegħu esprima wkoll il-gratitudni tiegħu lejn dawk kollha li qed jipparteċipaw fl-operazzjonijiet ta’ salvataġġ, kif ukoll lejn dawk kollha li qed jilqgħu lil dawk li qed ifittxu kenn. “Jalla l-Verġni Marija ssostnikom”, temm jgħid.

It-traġedja seħħet mas-sebħ tal-Ħadd. Huwa mifhum li dgħajsa mgħobbija żżejjed kienet qed iġġib migranti mill-Iran, mill-Pakistan, u l-Afganistan u minħabba maltemp qawwi ħabtet mal-blat. L-Ansa, l-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana, rrapportat li 80 persuni minn dawk li salvaw instabu mitluqa fuq il-bajja; u li dawn qalu lill-membri tas-salvataġġ li mill-inqas 250 persuna kienu qed jivvjaġġaw fuq dgħajsa tas-sajd. Wieħed u għoxrin ruħ li salvaw mill-għarqa ttieħdu l-isptar. Aktar tard ġie rrappurtat li nstabu 27 katavru li spiċċaw f’seaside resort, b’aktar jintlemħu fil-baħar, inkluż tarbija.

Proprju l-ġimgħa li għaddiet, grupp ta’ migranti Afrikani għerqu, filwaqt li għexieren ta’ nies intilfu meta dgħajsa mgħobbija żżejjed għerqet ‘il barra mill-kosta Libjana. R-rotta tal-Mediterran hija meqjusa bħala l-iktar rotta perikoluża fid-dinja għal nies li qed ifittxu kenn fl-Ewropa. F’dan l-aħħar ħames snin għerqu għadd ta’ dgħajjes fil-baħar ippakkjati bl-imigranti.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-02/pope-francis-prayer-appeal-mediterranean-sea-migrants-boat-lives.html

%d bloggers like this: