Waqt li kien qed jindirizza lill-fidili miġbura fi Pjazza San Pietru għall-Angelus tal-Ħadd, wara r-reċita tat-talb Marjan, il-Papa Franġisku dawwar ħsibijietu fuq l-aħbar terribbli li kienet għadha kif waslet mill-Art Imqaddsa. Fid-dawl tat-traġedji riċenti, l-Papa Franġisku nnota li ħafna nies, inkluż tfal, qed jinqatlu u staqsa: “Kif nistgħu ntemmu dan iċ-ċirku ta’ vjolenza?”
Imbagħad, il-Papa ġedded, għal darb’oħra, l-appell tiegħu biex “id-djalogu jsaltan fuq il-mibegħda u l-vendetta”. “Nitlob lil Alla għall-Palestinjani u l-Iżraelin, sabiex bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali, jsibu t-triq għall-fraternità u l-paċi”.
Imbagħad il-Papa Franġisku qasam l-inkwiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Burkina Faso, fejn “qed ikomplu jseħħu attakki terroristiċi”. Għal darb’oħra, l-Qdusija Tiegħu stieden lil dawk kollha li qed isegwu l-Angelus, biex “jitolbu għan-nies ta’ dak il-pajjiż għażiż”, bit-tama li l-vjolenza li huma qed ikomplu jġarrbu ma twassalhomx biex jitilfu t-tama fil-mixja tagħhom lejn id-demokrazija, l-ġustizzja u l-paċi.
F’aġġornamenti reċenti min-nazzjoni tal-Punent tal-Afrika, l-hekk imsejjaħ grupp Stat Iżlamiku ħa r-responsabbiltà li qatel ‘il fuq minn 70 suldat, u weġġaw għexieren oħra, u ħadu ħames persuni ostaġġi f’imbuskata fuq konvoj militari fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż.
Fi tmiemu, l-Papa Franġisku talab lil dawk preżenti biex ma jinsewx lill-Ukrajna, sena wara li bdiet l-invażjoni Russa. “U ejjew ma ninsewx lill-poplu Sirjan u Tork, vittmi ta’ terremoti terribli”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-02/pope-francis-angelus-appeal-holy-land-burkina-faso-migrant-ship.html