L-Iskola Sekondarja San Tumas t’Akwinu f’Arusha, it-Tanżanija, hija ‘boarding school’ li tilqa’ fiha żgħażagħ subien. Il-klassijiet eżistenti huma taħlita ta’ xogħol ta’ blokok tal-konkos u strutturi b’qafas tal-konkos li kollha jeħtieġu sostituzzjoni kbira u aktar moderna minn dawk eżistenti li għandhom ’il fuq minn 53 sena. In-nuqqas ta’ manutenzjoni xierqa matul is-snin, l-għargħar matul l-istaġuni tax-xita u l-ilma dieħel mis-soqfa, ikkontribwew għad-deterjorament ġenerali ta’ dawn il-klassijiet.
Matul ix-xahar ta’ Marzu tista’ taqra aktar dwar din l-iskola li Missio Malta ser jgħin fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun ser jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. F’artiklu minnhom niltaqgħu mat-tewmin Eliżabetta u Gabrijella, li kienu rreġistrati uffiċjalment bħala kuġini, iżda reġgħu ltaqgħu meta t-tnejn saru sorijiet fl-istess kunvent. F’artiklu ieħor insiru nafu aktar dwar il-ħajja qaddisa ta’ Patri Avertan Fenech O.Carm.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.
