Team ġdid ta’ saċerdoti għaċ-Chaplaincy tal-Isptar Mater Dei

Print Friendly, PDF & Email

F’dawn l-aħħar xhur il-ħidma pastorali fl-Isptar Mater Dei għaddiet mill-Provinċja tal-Patrijiet Kapuċċini f’idejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar team ta’ saċerdoti biex il-ħidma pastorali fl-isptar tibqa’ tingħata 24 siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd. It-team taċ-Chaplaincy illum hu magħmul minn Dun Louis Farrugia, Dun Reuben Vella, Dun Reuben Deguara u Dun René Camilleri bħala koordinatur ta’ din il-ħidma.

Monsinjur Arċisqof irringrazzja lill-Provinċja tal-Patrijiet Kapuċċini tal-ħidma li dejjem tat għal snin twal fl-Isptar Mater Dei, u qabel fl-Isptar San Luqa, kif ukoll tal-ħidma li għadha twettaq fis-Sir Anthony Mamo Oncology Centre.

Iċ-chaplaincy fl-isptar hi responsabbli mill-ministeru pastorali tal-marid u qrabatu. Dawn is-saċerdoti jqarbnu lil dawk il-morda li jkunu jixtiequ jirċievu l-Ewkaristija. Il-marid jew qrabatu huma mħeġġa javżaw lill-infermiera tas-sala fejn ikunu li jixtiequ jirċievu dan is-sagrament. Meta l-marid ikun f’qagħda kritika, saċerdot jassistih permezz tad-Dilka tal-Morda, kif ukoll ikun preżenti fil-mument meta persuna tmut. Is-saċerdot ikun imsejjaħ anke bħala sapport għall-qraba f’dan il-mument ta’ niket.

Il-ħaddiema tal-isptar, li kontinwament jaffaċċjaw tbatija li ġġib magħha tant niket u dubji, ukoll jistgħu jitolbu l-assistenza taċ-chaplaincy.

Dettalji dwar iċ-Chaplaincy ta’ Mater Dei

Kull min jixtieq l-assistenza tas-saċerdoti fl-isptar jista’ jsaqsi fir-reception, isaqsi lil xi ħadd mill-ħaddiema fis-sala li jkun qiegħed il-pazjent jew iċempel 25456870.

Il-quddies isir kuljum fis-6:30 a.m. u fis-7:00 a.m. Fil-Ħdud u l-festi l-quddies isir fis-6:30 a.m., fis-7:15 a.m u f’12:00. Is-saċerdoti jkunu hemm minn qabel għal min jixtieq jgħid kelma mas-saċerdot jew għas-sagrament tal-qrar.

Sors: www.knisja.mt

Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading