Il-Papa jibgħat jawgura f’għeluq sninha lill-superstita tal-Olokawst Edith Bruck

Print Friendly, PDF & Email

F’nofs katekeżi dwar il-vjaġġ riċenti li għamel fl-Ungerija, l-Papa Franġisku waqaf ftit u poġġa r-rimarki ppreparati tiegħu fil-ġenb. “Għandna f’Ruma poeta Ungeriża eċċellenti”, qal, waqt li tkellem ‘il barra mit-test ippreparatt, “li għaddiet minn ħafna provi, u tgħid liż-żgħażagħ dwar l-importanza li jiġġieldu għal ideali, li ma jiġux megħluba mill-persekuzzjonijiet, mill-iskuraġġiment”. “Din il-poeta llum għalqet 92 sena: “Happy Birthday, Edith!”

Edith Bruck, kittieba u waħda minn dawk li baqgħet ħajja mill-Olokawst, twieldet fl-1931 minn ġenituri Lhud-Ungeriżi. Fl-1944 hi u l-familja tagħha ntbagħtu f’kamp ta’ konċentrament, fejn il-ġenituri tagħha u ħutha mietu. Fl-1945, flimkien ma’ oħtha, s-Sinjura Bruck ġiet meħlusa mill-kamp. L-ewwel maret lura l-Ungerija, imbagħad Iżrael, fejn imbagħad ġiet toqgħod Ruma, fejn bdiet karriera bħala kittieba.

Bruck iddedikat ħafna mix-xogħol tagħha – li kien jinkludi rumanzi, poeżiji, drammi, traduzzjonijiet, u  kitbiet għal film jew reċtar – biex tagħti xhieda tal-ħażen li esperjenzat fil-kampijiet tal-konċentrament. Hija ntalbet tagħmel dan minn żewġ ħabsin sħabha fil-kamp, u tgħid, li talbuha tirrakkonta l-istorja. “Huma mhux se jemmnuk. Imma jekk tibqa’ ħajja, għid l-istorja f’isimna wkoll.”

Fl-2021, l-Osservatore Romano, l-gazzetta ta’ kuljum tal-Belt tal-Vatikan, għamlet intervista mas-Sinjura Bruck għall-Jum tal-Kommemorazzjoni tal-Olokawst. Il-Papa Franġisku qara din l-intervista u tant kien imqanqal li talab biex jiltaqa’ magħha. Xahar wara, huwa għamel żjara fl-appartament tagħha f’Ruma, u qalilha li kien mar “biex nirringrazzjak tax-xhieda tiegħek, u biex nagħti ġieħ lill-poplu tiegħek, martri mill-ġenn tal-populiżmu Nażista”.

Imbagħad inħolqot ħbiberija bejn dawn it-tnejn, li komplew jikkomunikaw bl-ittri, telefonati u rigali. Sena wara, s-Sinjura Bruck ġiet iżżur lill-Papa fir-residenza tiegħu fil-Vatikan, u kitbet ktieb bl-isem ‘Sono Francesco’ (Jien Franġisku) li jirrifletti fuq il-laqgħa tagħhom, li għal dan il-ktieb il-Papa kiteb il-prefazju.

Dwar it-tieni laqgħa li kellhom flimkien, l-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede ħarġet stqarrija fejn qalu li l-konverżazzjoni tagħhom kienet iffukata fuq “il-valur imprezzabbli li tgħaddi l-memorja tal-passat lill-ġenerazzjonijiet iżgħar, inklużi l-aspetti koroh, sabiex jiġi evitat li naqgħu fl-istess traġedji.”    

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-05/pope-edith-bruck-birthday-wishes-friendship-friend-holocaust.html

%d bloggers like this: