“Tama għad-Dinja. Tama għall-Umanità”
Bejn il-21 u t-28 ta’ Mejju 2023 ser issir edizzjoni oħra tal-Ġimgħa Laudato Si’ sabiex ikun iċċelebrat it-tmien anniversarju mill-pubblikazzjoni tal-Enċiklika Laudato Si’. Il-konklużjoni tkun fit-28 ta’ Mejju, solennità ta’ Għid il-Ħamsin.
It-tema għal din is-sena ser tkun, “Tama għad-Dinja. Tama għall-Umanità”.
Tajjeb li hawn ninutaw kemm il-virtù tat-tama hija fost l-aktar suġġetti li l-Papa Franġisku jinsisti dwarhom. Hija s-suġġett magħżul għall Jum Dinji taż-Żgħażagħ li ser isir f’Lisbona din is-sena – Ċans li tikber fit-Tama. Hija fis-suġġett magħżul għall-Ġublew 2025 – Pellegrini tat-Tama. Kienet is-suġġett ta’ 38 katekeżi li huwa għamel bl-Udjenzi Ġenerali tiegħu bejn l-2016 u l-2017. Imbagħad fl-2020, it-Tama kienet inkluża f’waħda mit-tliet invokazzjonijiet ġodda li l-Papa żied fil-Litanija Lawretana – Omm it-Tama.
Ir-riżors ewlieni li jiggwida l-avvenimenti matul il-Ġimgħa Laudato Si’ ser ikun il-film, “The Letter”. Il-ħsieb hu li jittieħdu inizjattivi f’għaqdiet, parroċċi u komunitajiet oħra biex dan jintwera fi gruppi u wara jkun hemm ukoll diskussjoni dwaru.
Il-film jirrakkonta l-istorja ta’ erba’ “poeti soċjali” li ntlaqtu direttament mill-kriżi fil-klima u vvjaġġaw lejn Ruma biex jiltaqgħu mal-Papa Franġisku …
X’inhi Laudato Si’ Week?
Il-Ġimgħa Laudato Si’ bdiet bħala mod biex jiġi ċċelebrat l-ewwel anniversarju tal-ittra enċiklika tal-Papa Franġisku, “Laudato Si’: Dwar l-għożża tad-dar komuni.” Minn dakinhar, iċ-ċelebrazzjoni annwali saret mod biex il-Kattoliċi kollha jingħaqdu u jifirħu bil-progress li għamilna, biex nagħtu l-ħajja lil Laudato Si’ u biex nimpenjaw ruħna għal aktar talb u azzjoni għad-dar komuni tagħna.
L-avveniment huwa organizzat mid-Dikasteru tal-Vatikan għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem, u kkordinat mal-Moviment Laudato Si’ flimkien ma’ msieħba oħra.
Għal aktar tagħrif żur il-websajt laudatosiweek.org, u imla l-formola biex tirreġistra l-interess tiegħek u tirċievi l-aħħar aħbarijiet.
Tista’ taqra bil-Malti, l-Enċiklika Laudato Si tal-Papa Franġisku minn hawn … https://www.laikos.org/Fr1_LSi_test_24052015.htm
Tista’ tisma l-enċiklika kollha moqrija bil-Malti minn hawn … https://laikos.org/aod_ls_list.htm
Għal sintesi tal-enċiklika fittex hawn … https://laikos.org/ls_mappa.htm
Għal ħafna aktar tagħrif dwarha, tista’ tidħol f’din il-paġna tal-Laikos … https://laikos.org/ls/index.php