Nhar il-Ħadd, fl-ewwel Angelus tiegħu tal-Ħadd minn mindu ħareġ mill-Isptar Gemelli ta’ Ruma, l-Papa Franġisku ħeġġeġ lil kulħadd biex jitolbu għall-paċi, filwaqt li ftakar fl-istudenti żgħażagħ li sfaw vittmi ta’ “attakk brutali” fuq skola fil-punent tal-Uganda. L-Qdusija Tiegħu talab lil kulħadd biex jitolbu għall-paċi kull fejn ikun hemm tensjoni u gwerra.
Skont l-awtoritajiet lokali, r-ribelli tal-Forzi Demokratiċi Alleati (ADF) wettqu dan l-attakk. Fost il-vittmi kien hemm 38 student żagħżugħ mill-iskola sekondarja f’Lhubiriha. L-iskola pubblika tinsab fid-distrett Ugandan ta’ Kasese, fil-punent tal-pajjiż u żewġ kilometri mill-fruntiera mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Xi wħud inqatlu, filwaqt li diversi studenti nisa ġew rappurtati maħtufa. Gwardjan u żewġ membri tal-komunità lokali ġew maqtula fi sparatura barra mill-faċilità. Tmien persuni ġew salvati u jinsabu f’qagħda kritika fil-faċilità. Xi kadavri spiċċaw maħruqa u ma jistgħux jiġu rikonoxxuti.
Qed jingħad li l-armata tal-Uganda qed ssegwi lil dawk li wettqu dan l-attakk. Il-Forzi Demokratiċi Alleati (ADF) huma akkużati li f’dawn l-aħħar snin bdew ħafna attakki kontra persuni ċivili, partikolarment kontra komunitajiet f’żoni remoti tal-Lvant tal-Kongo. Il-ġimgħa li għaddiet biss, kien attakkat raħal fir-repubblika ħdejn il-fruntiera mal-Uganda. Il-milizzjani huma kontra l-gvern tal-President tal-Uganda Yoweri Museveni, li ilu fil-poter mill-1986.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-06/pope-prays-for-young-students-killed-in-attack-in-uganda.html