Il-Papa: “Ġuħ ta’ fraternità” teżisti, rridu ngħidu “le” għall-gwerra.

Il-Papa Franġisku indirizza messaġġ fil-laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York biex itenni t-talba tiegħu għat-tmiem tal-vjolenza, tal-kunflitti u tal-bini tal-armi, u qal li dawn jirriflettu l-“ġuħ tal-fraternità” li qed timmarka d-dinja tal-lum. Huwa qal, “wasal iż-żmien li biċ-ċar ngħidu “le” għall-gwerra, li niddikjaraw li l-gwerer mhumiex ġusti, iżda l-paċi biss hija ġusta”. U “l-paċi hija possibbli jekk tkun tassew mixtieqa”.

Dan il-messaġġ ċar tal-Papa Franġisku wasal permezz tal-Arċisqof Paul Richard Gallagher, is-Segretarju tal-Vatikan għar-Relazzjonijiet mal-Istati u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali, li qara l-messaġġ tal-Papa, hekk kif għadu qed jirkupra minn operazzjoni fl-isptar tas-7 ta’ Ġunju fl-Isptar Gemelli ta’ Ruma.

Il-Papa Franġisku fetaħ l-indirizz tiegħu b’analiżi “tal-mument kruċjali” li qed tgħaddi minnu l-umanità, “li fih il-paċi tidher li tagħti lok għall-gwerra” u meta jidher li “qegħdin immorru lura fl-istorja, biż-żieda ta’ mijopija, bl-estremiżmu, b’nazzjonaliżmi riżenti u aggressuvi li jqanqlu kunflitti li mhux biss huma anakronistiċi u skaduti, iżda saħansitra aktar vjolenti”. Il-kunflitti qed jiżdiedu u l-istabbiltà qed titpoġġa dejjem aktar f’riskju, jinnota, filwaqt li qed ngħixu t-tielet gwerra dinjija miġġielda f’biċċiet, li qed tespandi aktar ma jgħaddi ż-żmien.

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-mandat tiegħu huwa li jissorvelja s-sigurtà u l-paċi fid-dinja “f’għajnejn in-nies jidher li hu bla setgħa u paralizzat,” osserva l-Papa. “Madankollu l-ħidma tagħkom, hija apprezzata ħafna mis-Santa Sede, hija essenzjali sabiex nippromwovu l-paċi”, kompla jgħid, u “proprju għal din ir-raġuni, rrid noffrilkom stedina mill-qalb biex niffaċċjaw il-problemi komuni tagħna, nwarrbu l-ideoloġiji u viżjonijiet dojoq, l-ideat u l-interessi partiġġjani.”

Intenzjoni waħda trid tmexxi dan l-isforz kollu, saħaq il-Papa, dik li tistinka għall-ġid tal-umanità kollha. Huwa jikteb, “dan il-Kunsill mistenni jirrispetta u japplika l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti bi trasparenza u sinċerità, u mingħajr motivi ulterjuri, bħala punt ta’ referenza obbligatorja ta’ ġustizzja u mhux bħala mezz biex jaħbi intenzjonijiet falzi”.

F’dinja globalizzata tal-lum aħna lkoll eqreb, imma m’aħniex aktar fraterni, rrimarka l-Qdusija Tiegħu. U għall-kuntrarju, “aħna qed inbatu minn ġuħ ta’ fraternità, li ġejja mill-ħafna sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja, faqar u inugwaljanza u anke min-nuqqas ta’ kultura ta’ solidarjetà”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika ikkwota l-Messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Paċi 2023: “Ideoloġiji ġodda, kkaratterizzati minn individwaliżmu mifrux, egoċentriżmu u konsumiżmu materjalistiku, idgħajfu r-rabtiet soċjali, u jrawwmu dik il-mentalità ‘li tintrema’, li twassal għal disprezz u abbandun ta’, l-aktar dgħajfa u dawk meqjusa ‘inutli’. B’dan il-mod il-koeżistenza tal-bniedem dejjem aktar għandha t-tendenza li tixbah lis-sempliċi do ut des li hija kemm pragmatika kif ukoll egoista”.

L-agħar effett ta’dan il-ġuħ ta’ fraternità li nnota huma “l-kunflitti armat u l-gwerra”, li “jagħmel għedewwa mhux biss ta’ individwi iżda ta’ popli sħaħ, u li l-konsegwenzi negattivi tagħhom jibqgħu għal ġenerazzjonijiet”. Huwa jinnota, li dan jimmarka l-pass lura għall-umanità, meta mqabbel maż-żminijiet ta’ wara ż-żewġ gwerer dinjija “terribbli”, meta deher li tgħallmu l-lezzjonijiet mat-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti. U dik hija l-importanza li nimxu lejn “paċi aktar stabbli, biex fl-aħħar issir familja ta’ nazzjonijiet”.

Bħala “bniedem ta’ fidi”, l-Papa assigura li l-paċi hija “l-ħolma ta’ Alla għall-umanità”. Iżda wieħed ma jistax ma jinnotax b’dispjaċir li “minħabba l-gwerra, din il-ħolma mill-isbaħ qed tinbidel f’ħmar il-lejl”. L-għerq tal-problema huwa wkoll ekonomiku, jammetti l-Papa: “l-gwerra ħafna drabi tħajjar iktar mill-paċi, peress li tippromwovi l-profitt; iżda dejjem għal ftit u għad-detriment tal-benessri ta’ popolazzjonijiet sħaħ. Il-flus li jaqilgħu mill-bejgħ tal-armi, huma għalhekk flus maħmuġin b’demm l-innoċenti”.

L-Papa Franġisku jgħid, li jeħtieġ “kuraġġ, biex tirrinunzja għal profitti faċli għall-fini li tinżamm il-paċi milli biex tbiegħ armi dejjem aktar sofistikati u qawwija. Jeħtieġ aktar kuraġġ biex tippromwovi l-laqgħa milli konfrontazzjoni, li toqgħod fuq il-mejda tan-negozjati milli tkompli l-ostilitajiet”.

Biex nibnu l-paċi, nsista l-Papa, “rridu nimxu ‘l bogħod mil-loġika tal-leġittimità tal-gwerra”, mhux l-inqas għal filwaqt li l-kunflitti armati fil-passat kellhom ambitu aktar limitat, illum “bl-armi nukleari u dawk tal-qerda tal-massa, l-kamp tal-battalja sar prattikament illimitat, u l-effetti potenzjalment katastrofiċi”.

“Wasal iż-żmien li biċ-ċar ngħidu ‘le’ għall-gwerra, li nistqarru li l-gwerer mhumiex ġusti, iżda l-paċi biss hija ġusta: paċi stabbli u dejjiema, mibnija mhux fuq il-bilanċ prekarju tad-deterrenza, iżda fuq il-fraternità li tgħaqqad lilna”.

Tabilħaqqq qegħdin nivvjaġaw fuq l-istess art, abitanti ta’ dar komuni waħda, rrimarka l-Papa, u ma nistgħux “indallmu s-sema li taħtu ngħixu bis-sħab tan-nazzjonaliżmi”.

“Fejn se nispiċċaw jekk kulħadd jaħseb fih innifsu biss?” staqsa l-Papa Franġisku. Iżda “dawk li jistinkaw biex jibnu l-paċi għandhom jippromwovu l-fraternità”. Din hija “sengħa” li teħtieġ “passjoni u paċenzja, esperjenza u ħarsa lejn il-bogħod, tenaċità u dedikazzjoni, djalogu u diplomazija”. U jirrikjedi wkoll “li nisimgħu” speċjalment l-għajta ta’ min qed ibati b’riżultat tal-konflitti, speċjalment l-għajta tat-tfal.

“Għejnejhom imtebbgħin bid-dmugħ jiġġudikawna: l-futur li nħejju għalihom se jkun il-qorti tal-għażliet preżenti tagħna”.

Il-Qdusija Tiegħu saħaq, li “għad hemm żmien biex niktbu kapitlu ġdid ta’ paċi fl-istorja,” u kkonkluda li “nistgħu nagħmlu dan b’tali mod li l-gwerra tkun tal-passat, mhux tal-futur”. Il-kelma ewlenija u deċiżiva hija: “fraternità”.

“Il-fraternità ma tistax tibqa’ idea astratta, imma trid issir punt ta’ tluq reali”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-06/pope-a-famine-of-fraternity-exists-we-must-say-no-to-war.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading