Papa: 40 Jum għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. “It-tabib tiegħi qalli li nista’ mmur, ma nistax nistenna!”
“Xi wħud qed jaħsbu li minħabba l-mard, ma nistax immur, imma t-tabib qalli li nista’, allura se nkun magħkom. Ejjew, żgħażagħ!”. Il-Papa bagħat messaġġ liż-żgħażagħ minn kull kontinent li se jinġabru f’Lisbona mill-1 sas-6 ta’ Awwissu għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, u assigurahom bil-preżenza tiegħu fl-avveniment kbir.
Waqt li wera l-backpack ġriż bil-kit li se jitqassam lill-pellegrini, qal: “Fadal 40 jum, bħar-Randan, għal-laqgħa f’Lisbona. Jien lest! Diġà għandi kollox. Ma nistax nistenna biex immur!”
Fil-messaġġ, il-Papa jitkellem maż-żgħażagħ, kemm dawk impenjati li qed iħejju għall-vjaġġ, kif ukoll dawk li se jsegwu l-laqgħa dinjija mill-bogħod. “Il-Jum huwa punt ta’ attrazzjoni għal kulħadd. Bħalissa huwa l-punt li rridu nħarsu lejh, lejh intom żgħażagħ tridu tħarsu,” jgħid il-Papa. “Ejjew, żgħażagħ!” iħeġġeġ il-Papa, u jżid, “Tisimgħux minn dawk li jnaqqsu l-ħajja għall-ideat. Dawk nies foqra li tilfu l-ferħ tal-ħajja u l-ferħ tal-laqgħa. Itolbu għalihom”.
Bħal f’laqgħat oħra mal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, l-Papa Franġisku jerġa’ jitlob liż-żgħażagħ jersqu lejn il-ħajja bit-“tliet lingwi”: tar-ras, tal-qalb u tal-idejn. Tar-ras biex naħsbu ċar fuq dak li nħossu u nagħmlu; tal-qalb li nħossu tajjeb, fil-fond, dak li naħsbu u nagħmlu; tal-idejn, biex nirrealizzaw dak li nħossu u naħsbu.
“Ejjew, kunu ferħana. Narakhom f’Lisbona!” kienet l-aħħar tislima tiegħu, fil-messaġġ bil-vidjo li bagħat liż-żgħażagħ.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-06/pope-40-days-to-wyd-i-cannot-wait-video-message.html