X’tama hemm għall-Knisja fl-Ewropa?

Il-Ġimgħa, 23 ta’ Ġunju 2023: Riflessjoni mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Riflessjoni mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

It-titlu ta’ din ir-riflessjoni huwa ssuġġerit mill-fatt li fi ftit jiem oħra se nfakkru l-għoxrin anniversarju tal-Eżortazzjoni Appostolika Ecclesia in Europa maħruġa minn San Ġwanni Pawlu II fit-23 ta’ Ġunju 2003. L-Eżortazzjoni Appostolika twieldet bħala frott tat-Tieni Assemblea Speċjali għall-Ewropa tas-Sinodu tal-Isqfijiet li saret f’Ruma f’Ottubru 1999.

Fl-ewwel għexieren ta’ snin tal-millennju l-ġdid, it-tema tat-Tama timmarka r-riflessjoni tal-Knisja dwar il-preżent u l-futur tal-kontinent tagħna. San Ġwanni Pawlu II jikkonferma din l-għażla tal-Missirijiet Sinodali, u jagħmilha tiegħu, u jikkonferma kemm hi tabilħaqq tema valida:

Il-Knisja fl-Ewropa akkumpanjat għat-tieni darba lill-Isqfijiet tagħha miġbura fis-Sinodu b’sentimenti ta’ parteċipazzjoni, filwaqt li kienu jimmeditaw dwar Ġesù Kristu, ħaj fil-Knisja tiegħu, u għajn ta’ tama għall-Ewropa.

Hija tema li jien ukoll, flimkien ma’ ħuti l-Isqfijiet nislet il-kliem tal-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, irrid inxandar lill-insara kollha tal-Ewropa fil-bidu tat-tielet millennju. “Tibżgħux, […] u titħawdux, imma qaddsu lill-Mulej Kristu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom ir-raġuni tat-tama li għandkom” (3, 14-15) ).

Din it-tħabbira kienet tinstema’ l-ħin kollu matul il-Ġublew il-Kbir tas-Sena 2000.  Is-Sinodu kien ċelebrat qabel beda l-Ġublew u kien marbut ħafna miegħu, anzi serva bħallikieku bieb li jiftaħ għal fuq il-Ġublew .(2) Il-Ġublew innifsu kien “innu ta’ tifħir wieħed u ma jaqta’ xejn lit-Trinità Qaddisa”, “vjaġġ ta’ rikonċiljazzjoni” awtentiku u “sinjal ta’ tama ġenwina għal dawk kollha li jħarsu lejn Kristu u lejn il-Knisja tiegħu”.(3) U l-wirt li ħallielna kien il-ferħ ta’ laqgħa li tagħti l-ħajja ma’ Kristu, li “hu l-istess il-bieraħ, illum u għal dejjem” (Lhud 13:8), u reġa’ poġġa quddiemna l-Mulej Ġesù bħala l-pedament uniku u li ma jitħarrikx tat-tama vera. (EE 1)

Waqt li għażel il-Ktieb tal-Apokalissi bħala gwida, San Ġwanni Pawlu II ifakkar lis-soċjetà Ewropea u lill-Knisja fl-Ewropa biex ma jittraskurawx il-primat ta’ Alla, li hu garanzija tal-libertà u d-dinjità tal-bniedem:

 “Min għandu widnejn, ħa jisma’ xi jgħid l-Ispirtu lill-knejjes” (Ap 2:7). Waqt li nxandar l-Evanġelju tat-tama lill-Ewropa, se nżomm bħala gwida l-ktieb tal-Apokalissi, li hu “rivelazzjoni profetika” li tikxef lill-komunità li temmen it-tifsira moħbija u profonda tal-affarijiet li jseħħu (ara Ap 1,1). . L-Apokalissi jpoġġi quddiemna kelma indirizzata lill-komunitajiet Insara, biex dawn ikunu jafu jinterpretaw u jgħixu kif huma stess jidħlu f’din l-istorja, bl-inċertezzi u t-tbatijiet tagħha, fid-dawl tar-rebħa definittiva tal-Ħaruf maqtul u irxuxtat.  Fl-istess ħin, ninsabu quddiem kelma li timpenjana biex ngħixu billi naħarbu t-tentazzjoni attwali li nibnu l-belt tal-bnedmin fejn Alla ma jidħolx jew agħar minn hekk, li tkun kontra  Alla. Jekk qatt dan iseħħ, is-soċjetà tal-bnedmin, illum jew għada, tispiċċa f’falliment irreparabbli.

Fil-Ktieb tal-Apokalissi nsibu kelma li tqawwilek qalbek, indirizzata lil dawk li jemmnu: lil hinn minn dak li jidher, u anke jekk l-effetti għadhom ma jidhrux, ir-rebħa ta’ Kristu diġà seħħet u hija definittiva. Minn dan jiġi li aħna nistgħu niffaċċjaw sitwazzjonijiet u ġrajjiet b’attitudni ta’ fiduċja fundamentali, li toħroġ mill-fidi f’ Ġesù Rxoxt, preżenti u attiv fl-istorja. (EE 5)

San Ġwanni Pawlu II jitfa’ ħarsa attenta u profonda lejn l-Ewropa fil-bidu tal-millennju l-ġdid u filwaqt li jindika xi sfidi li jtappnu t-tama, jindika wkoll is-sinjali li juru tama. Fost is-sinjali inkwetanti, il-Papa jsemmi t-telfien tal-memorja u tal-wirt Nisrani; il-biża’ biex niffaċċjaw il-futur; frammentazzjoni mifruxa tal-eżistenza fejn jidher sew is-sens ta’ solitudni u li qed jiżdiedu l-firdiet u l-ġlied; u li s-solidarjetà bejn il-persuni tidher dejjem qed tiddgħajjef.

L-analiżi tiegħu, ta’ minn fejn ġejja din li qed nitilfu t-tama, hija profonda ħafna u profetika:

Fl-għerquq ta’ dan it-telfien ta’ tama hemm tentattiv biex tiġi mbuttata ʼl  quddiem viżjoni tal-bniedem mingħajr Alla u mingħajr Kristu. Dan it-tip ta’ ħsieb wassal biex il-bniedem jitqies bħala “iċ-ċentru assolut ta’ kollox, u għalhekk il-bniedem, b’mod artifiċjali, issa ħa l-post ta’ Alla, u jinsa li mhux il-bniedem li joħloq lil Alla, imma pjuttost Alla li joħloq il-bniedem. Meta l-bniedem jinsa lil Alla din twassal il-bniedem biex jispiċċa abbandunat”. Għalhekk “mhux ta’ b’xejn li f’dan il-kuntest infetaħ qasam vast għall-iżvilupp bla rażan tan-nihiliżmu fil-filosofija, tar-relattiviżmu fil-valuri u l-moralità, u tal-pragmatiżmu – u anke edoniżmu ċiniku – fil-ħajja ta’ kuljum”. Il-​kultura ewropea tagħti l-​impressjoni taʼ “apostasija siekta” min-​naħa tal-bniedem li għandu kulma jrid, u li jgħix daqs li kieku Alla ma jeżistix.

Dan huwa l-kuntest li fih jieħdu l-ħajja dawk it-tentattivi, inklużi dawk l-aktar reċenti, biex tiġi ppreżentata l-kultura Ewropea mingħajr ebda referenza għall-kontribut tar-reliġjon Nisranija li mmarkat l-iżvilupp storiku tagħha u t-tixrid universali tagħha. Qed nassistu għall-ħolqien ta’ kultura ġdida, influwenzata fil-biċċa l-kbira mill-midja tal-massa, li l-kontenut u l-karattru tagħha ħafna drabi jkunu f’kunflitt mal-Evanġelju u d-dinjità tal-persuna umana. Din il-kultura hija wkoll ikkaratterizzata minn anjostiċiżmu reliġjuż mifrux u li dejjem jikber, marbut ma’ relativiżmu morali u legali aktar profond li għandu l-għeruq tiegħu f’konfużjoni dwar il-verità dwar il-bniedem bħala l-bażi tad-drittijiet inaljenabbli tal-bnedmin kollha. Xi drabi s-sinjali li t-tama qed tiddgħajjef juru ruħhom permezz ta’ forom li jħassbuk ta’ dik li tista’ tissejjaħ “kultura tal-mewt”.(EE9)

Il-kritika li jagħmel San Ġwanni Pawlu II fuq ċertu kunċett ta’ tama mingħajr Alla jistħoqqilha l-attenzjoni tagħna:

Iżda, kif qalu b’mod ċar il-Missirijiet Sinodali, “il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr tama: il-ħajja ssir bla sens u insupportabbli”. Ħafna drabi dawk li għandhom bżonn it-tama jemmnu li jistgħu jsibu s-sliem f’affarijiet li jgħaddu u mhux sostanzjali. B’dan il-mod, it-tama, li allura hi riservata biss għal din id-dinja u magħluqa għal dak li hu traxxendenti, titqabbel, pereżempju, mal-ġenna li twegħidna x-xjenza jew it-teknoloġija, b’diversi forom ta’ messjaniżmu, b’kuntentizza naturali edonistika li hija frott tal-konsumiżmu, jew inkella dik il-kuntentizza immaġinarja u ewforika artifiċjali li tiġi mid-droga, b’ċerti forom ta’ millenariżmu, bil-ġibda lejn filosofiji orjentali, bit-tfittxija għal forom ta’ spiritwalità esoterika u bil-kurrenti differenti tal-moviment New Age.  Dawn kollha, iżda, juru lilhom infushom profondament illużorji u li mhumiex kapaċi jissodisfaw dik ix-xewqa għall-hena li l-qalb tal-bniedem tkompli tħoss ġo fiha. Għaldaqstant, is-sinjali inkwetanti ta’ nuqqas ta’ tama dejjem qegħdin jikbru u jintensifikaw, u kultant juru ruħhom ukoll f’forom ta’ aggressjoni u vjolenza.  (EE10)

San Ġwanni Pawlu II iħares b’imħabba kbira lejn is-sinjali tat-tama kemm fis-soċjetà Ewropea kif ukoll fil-Knisja fl-Ewropa:

L-ebda bniedem ma jista’ jgħix mingħajr ma jħares lejn il-ġejjieni. Kemm aktar il-Knisja, li tgħix fl-istennija tas-Saltna li għad trid tiġi u li hi diġà preżenti f’din id-dinja. Tkun ħaġa inġusta li ma nagħrfux is-sinjali tal-influwenza tal-Evanġelju ta’ Kristu fil-ħajja tas-soċjetajiet. Il-Padri Sinodali fittxewhom u saħqu dwarhom. Dawn is-sinjali għandhom jinkludu l-irkupru tal-libertà tal-Knisja fl-Ewropa tal-Lvant, bil-possibbiltajiet ġodda tagħha għall-attività pastorali; il-konċentrazzjoni tal-Knisja fuq il-missjoni spiritwali tagħha u l-impenn primarju tagħha għall-evanġelizzazzjoni, anke fir-rigward tar-realtajiet soċjali u politiċi; il-kuxjenza missjunarja dejjem tikber min-naħa tal-mgħammdin kollha, fid-diversità u l-kumplimentarjetà tad-doni tagħhom u l-ħidma tagħhom, u l-preżenza akbar tan-nisa fil-ħajja u l-istrutturi tal-komunità Nisranija. (EE 11)

Jekk inħarsu lejn l-Ewropa bħala komunità ċivili, is-sinjali tat-tama ma jonqsux: meta nħarsu lejn dawn is-sinjali bl-għajnejn tal-fidi, nistgħu nintebħu bil-preżenza tal-Ispirtu ta’ Alla, li jġedded il- wiċċ l-art, anke fost il-kontradizzjonijiet tal-istorja. Fi tmiem il-ħidma tagħhom, il-Padri Sinodali ddeskrivew dawn is-sinjali b’dan il-mod: “Aħna nagħrfu bil-ferħ il-ftuħ dejjem jikber tal-popli lejn xulxin, ir-rikonċiljazzjoni bejn pajjiżi li għal żmien twil kienu ostili u mqabbdin ma’ xulxin, il-ftuħ dejjem jikber għall-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant fil-proċess li jfittxu għaqda aktar profonda. L-għarfien reċiproku, il-forom ta’ koperazzjoni u skambji ta’ kull xorta qed jiġu żviluppati b’tali mod li ftit ftit, qed tinħoloq kultura, anzi kuxjenza Ewropea. Dan nittamaw li jħeġġeġ, speċjalment fost iż-żgħażagħ, sens ta’ fraternità u rieda li jaqsmu iktar bejniethom. Ninnutaw bħala fattur pożittiv ħafna li dan il-proċess kollu qed jiżviluppa skont proċeduri demokratiċi, b’mod paċifiku u fi spirtu ta’ libertà li jirrispetta u jrawwem id-diversità leġittima, iħeġġeġ u jsostni l-proċess li jwassal għall-għaqda dejjem tikber tal-Ewropa. Aħna nilqgħu b’sodisfazzjon dak kollu li sar biex jiġu salvagwardjati l-kundizzjonijiet u l-modi ta’ rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-aħħarnett, fil-kuntest tal-għaqda ekonomika u politika fl-Ewropa, filwaqt li nirrikonoxxu s-sinjali ta’ tama li jidhru minn kemm qed jingħata ħsieb lid-drittijiet u lill-kwalità tal-ħajja, nittamaw sinċerament li, b’fedeltà kreattiva lejn it-tradizzjonijiet umani u Kristjani tal-kontinent tagħna, ikun hemm garanzija tal-primat tal-valuri etiċi u spiritwali.  (EE 12)

Nixtieq nieqaf daqsxejn fuq dak li kiteb San Ġwanni Pawlu II dwar sinjal partikolari ta’ tama li l-Papa jindika bħala “il-preżenza akbar tan-nisa fl-istrutturi u l-oqsma tal-komunità Nisranija”:

Il-Knisja hija konxja ħafna tal-kontribut partikulari tan-nisa fis-servizz tal-Evanġelju tat-tama. L-istorja tal-komunità Nisranija turi li n-nisa minn dejjem kellhom post importanti fix-xhieda tal-Evanġelju. Wieħed irid isemmi kemm għamlu, ħafna drabi, fis-skiet u fil-moħbi biex jirċievu u jgħaddu d-don ta’ Alla permezz tal-maternità fiżika u spiritwali, permezz tal-edukazzjoni, tal-katekeżi, tat-twettiq ta’ xogħlijiet kbar ta’ karità, permezz tal-ħajja tat-talb u l-kontemplazzjoni, u permezz ta’ esperjenzi mistiċi u kitbiet għonja fl-għerf tal-Evanġelju. Fid-dawl tax-xhieda mill-isbaħ u qawwija tagħhom fl-imgħoddi, il-Knisja tesprimi l-fiduċja tagħha f’dak kollu li n-nisa għandhom il-ħila jagħmlu llum biex it-tama tikber f’kull livell. Hemm aspetti tas-soċjetà Ewropea ta’ żmienna li huma ta’ sfida għall-ħila li għandhom in-nisa li jilqgħu, jaqsmu u jwelldu l-imħabba, b’determinazzjoni u ġenerożità. Wieħed jaħseb, pereżempju, fil-mentalità xjentifika u teknika ta’ żmienna li titfa’ fid-dell il-ħajja affettiva u emozzjonali, li jwassal għan-nuqqas ta’ ġenerożità, il-biża’ dejjem tikber li nagħtu l-ħajja lil ulied ġodda, id-diffikultà li tibni relazzjoni mal-oħrajn u li taċċetta lil dawk li huma differenti. Huwa f’dan il-kuntest li l-Knisja tħares lejn in-nisa għall-kontribut tagħhom biex jagħtu tama ġdida.  (EE42)

Biex dan iseħħ, iżda, id-dinjità tan-nisa trid tiġi promossa fuq kollox fil-Knisja, peress li l-mara u r-raġel għandhom dinjità indaqs, għax it-tnejn li huma nħolqu fuq ix-xbieha u x-xebħ ta’ Alla (ara Ġen 1,27) u kull wieħed ikun ingħata doni  partikulari.  Wieħed jittama, kif enfasizza s-Sinodu, li  jissaħħaħ is-sehem sħiħ tan-nisa fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja, billi wieħed juża aħjar id-doni tagħhom u billi jiġu fdati rwoli fil-knisja riżervati mil-liġi għal-lajċi. Għandu jkun hemm ukoll apprezzament xieraq tal-missjoni tan-nisa bħala nisa u ommijiet u għad-dedikazzjoni tagħhom għall-ħajja tal-familja. Il-Knisja ma naqsitx li tgħolli leħinha biex titkellem kontra l-inġustizzji u l-vjolenza fuq in-nisa kull fejn dan iseħħ u f’kull ċirkustanza. Hija titlob li jiġu nfurzati l-liġijiet li jħarsu lin-nisa, u li jittieħdu miżuri effettivi kontra l-użu umiljanti ta’ nisa fir-reklamar u kontra l-pjaga tal-prostituzzjoni. Tesprimi wkoll it-tama li x-xogħol tad-dar magħmul mill-ommijiet jitqies, bħal dak tal-missirijiet, bħala kontribut għall-ġid komuni, anke permezz ta’ forom ta’ ħlas finanzjarju. (EE43)

Bħala programm prattiku għall-Knisja fl-Ewropa għall-millennju l-ġdid, San Ġwanni Pawlu II joffri dawn il-punti li ġejjin li huma spjegati u kummentati fit-Tielet, ir-Raba’ u l-Ħames Kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika:

  • Ixxandar il-misteru ta’ Kristu (“Knisja fl-Ewropa, l-“evanġelizzazzjoni l-ġdida” hija l-biċċa xogħol li hemm tistenniek! Erġa’ skopri mill-ġdid l-entużjażmu tat-tħabbira”. EE 45); b’fedeltà lejn il-messaġġ ewlieni, billi tifforma lill-fidili għal fidi adulta permezz tax-xhieda tal-ħajja;
  • Tagħti xhieda tal-għaqda u ta’ djalogu, f’komunjoni bejn il-Knejjes partikolari, flimkien ma’ dawk kollha li jemmnu, fi djalogu ma’ reliġjonijiet oħra;
  • Tevanġelizza l-ħajja soċjali (“Evanġelizzazzjoni tal-kultura u l-inkulturazzjoni tal-Evanġelju”):

It-tħabbira ta’ Ġesù Kristu trid tilħaq ukoll il-kultura Ewropea tal-lum. L-evanġelizzazzjoni tal-kultura trid turi li fl-Ewropa tal-lum huwa possibbli li ngħixu l-Vanġelu bis-sħiħ bħala triq li tagħti sens lill-eżistenza tagħna. Għal dan il-għan, il-prattika pastorali trid taħdem biex issawwar mentalità Nisranija fil-ħajja ta’ kuljum: fil-familji, fl-iskejjel, fil-komunikazzjoni soċjali, fil-ħajja kulturali, fix-xogħol u fl-ekonomija, fil-politika, fil-ħin liberu, fis-saħħa u fil-mard. Jeħtieġ li, b’mod seren, ikun hemm valutazzjoni kritika tas-sitwazzjoni kulturali attwali tal-Ewropa u evalwazzjoni tax-xejriet il-ġodda u l-avvenimenti u s-sitwazzjonijiet kontemporanji aktar sinifikanti fid-dawl taċ-ċentralità ta’ Kristu u tal-antropoloġija Nisranija.  (EE 58a)

  • Niċċelebraw l-Evanġelju tat-Tama:

L-Evanġelju tat-tama, li huwa t-tħabbira tal-verità li teħlisna (ara Ġw 8,32) jeħtieġ li jiġi ċelebrat. Quddiem il-Ħaruf tal-Ktieb tal-Apokalissi tingħata bidu għal liturġija solenni ta’ tifħir u adorazzjoni: “Lil Dak li qiegħed fuq it-tron u lill-Ħaruf jingħata t-tifħir u l-ġieħ u l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem!” (Apok 5:13). Din il-viżjoni, li tirrivela kemm lil Alla kif ukoll it-tifsira tal-istorja kollha, isseħħ “f’jum il-Mulej” (Apok 1:10), jum il-qawmien, li ngħixuh mill-ġdid mal-ġemgħa li tiltaqa’ f’Jum il-Ħadd.

Il-Knisja li tirċievi din ir-rivelazzjoni hija komunità ta’ talb. Fit-talb tagħha tisma’ lill-Mulej tagħha u tisma’ x’qed jgħidilha l-Ispirtu. Hija tqim, tfaħħar, trodd ħajr, u fl-aħħarnett titlob il-miġja tal-Mulej: “Ejja, Mulej Ġesù!” (Apok 22:16-20), u tiddikjara li s-salvazzjoni ġejja minnu biss.

Knisja ta’ Alla li tgħammar fl-Ewropa, int ukoll imsejħa biex tkun komunità li titlob, tiċċelebra lill-Mulej tiegħek fis-Sagramenti, fil-liturġija u f’ħajtek kollha. Fit-talb inti tiskopri l-preżenza tal-Mulej li jagħti l-ħajja. U hekk, meta inti tibni fuqu l-pedament ta’ kull ħaġa li tagħmel, int tkun tista’ tistieden lill-Ewropej biex jiltaqgħu miegħu, hu li hu t-tama vera tagħna, dak li waħdu jaf itemm għal kollox ix-xewqa għal Alla, li tinsab moħbija fil-forom differenti ta’ tfittxija reliġjuża li qed jerġgħu jidhru fl-Ewropa tal-lum. (EE 66)

  • Naqdu l-Evanġelju tat-Tama:

Il-kelma li l-Ispirtu jgħid lill-Knejjes insibu fiha ġudizzju dwar ħajjithom. Hija dwar fatti u mġieba. “Jien naf l-opri tiegħek” hija d-daħla li, bħal ritornell, b’xi tibdiliet żgħar, insibuha fl-ittri miktuba lis-seba’ Knejjes. Jekk dawk l-opri jkunu tajbin, dan għaliex huma riżultat ta’ sforz, perseveranza u sabar fil-prova u t-tbatijiet tal-faqar, tal-fedeltà fi żmien ta’ persekuzzjoni, tal-karità, tal-fidi u l-qadi. L-ittri għalhekk jistgħu jinqraw bħala deskrizzjoni ta’ Knisja li, aktar milli tħabbar u tiċċelebra s-salvazzjoni li tingħatalha mill-Mulej, “tgħixha” b’mod konkret.

Sabiex taqdi l-Evanġelju tat-tama, il-Knisja fl-Ewropa hija msejħa wkoll biex timxi fit-triq tal-imħabba. Din it-triq tieħu s-sura ta’ karità li tevanġelizza, firxa wiesgħa ta’ impenji fis-servizz tal-oħrajn, u deċiżjoni għal ġenerożità bla waqfien u bla limitu.  (EE 83)

Tajjeb li nerġgħu naqraw il-Ħames Kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika li tindika din il-“mixja ta’ mħabba”. Nixtieq nitkellem fuq żewġ punti tal-“profezija” ta’ San Ġwanni Pawlu II li nipproponi għar-riflessjoni tagħna, li nħoss li huma attwali u tassew urġenti:

L-ewwel punt huwa s-sejħa biex naqdu l-Evanġelju tal-ħajja:

L-età li dejjem qed tiżdied kif ukoll it-tnaqqis fil-popolazzjoni f’diversi pajjiżi Ewropej ma jistgħux ma jkunux kawża ta’ tħassib; it-tnaqqis fir-rata tat-twelid huwa fil-fatt sintomatiku li m’hemmx relazzjoni tajba mal-ġejjieni tagħna stess. Hija indikazzjoni ċara ta’ nuqqas ta’ tama u sinjal tal-“kultura tal-mewt” preżenti fis-soċjetà tal-lum.

Flimkien mat-tnaqqis fir-rata tat-twelid, jeħtieġ insemmu fatturi oħra li jtappnu s-sens tal-valur tal-ħajja, bħallikieku hemm xi konfoffa kontra l-ħajja. B’dispjaċir, fost dawn il-fatturi, jeħtieġ insemmu l-ewwelnett it-tixrid tal-abort, anke permezz ta’ kimiċi u mediċinali li jagħmlu l-abort possibbli mingħajr l-involviment ta’ tabib u b’mod maqtugħ minn kull forma ta’ responsabbiltà soċjali. Dan huwa favorit mill-fatt li s-sistemi legali ta’ ħafna pajjiżi Ewropej fihom leġiżlazzjoni li tippermetti dan l-att li xorta waħda jibqa’ “reat mill-agħar” u li dejjem jikkostitwixxi diżordni morali gravi. Jeħtieġ li jissemmew ukoll attakki li jinvolvu “forom ta’ intervent fuq embrijuni umani li, għalkemm imwettqa għal skopijiet leġittimi fihom infushom, inevitabilment jinvolvu l-qtil ta’ dawk l-embrijuni” jew l-użu ħażin ta’ teknika ta’ dijanjosi ta’ qabel it-twelid, li jintużaw mhux biex wieħed jinduna minn kmieni u allura jara xi trattament possibbli jista’ jkun hemm, iżda ta’ “intenzjoni ewġenika li taċċetta abort selettiv”.

Irridu nsemmu wkoll li f’ċerti nħawi tal-Ewropa hemm tendenza li wieħed iqis bħala permissibbli li jieħu deċiżjoni konxja li jtemm ħajtu stess jew ta’ ħaddieħor: ir-riżultat ta’ dan huwa t-tixrid ta’ ewtanasja moħbija, jew saħansitra prattikata fil-miftuħ, li l-legalizzazzjoni tagħha ħafna drabi hija mfittxija u, sfortunatament, xi drabi tinkiseb.  (EE 95)

Minħabba din il-qagħda, jeħtieġ li naqdu l-Evanġelju tal-ħajja permezz ta’ “mobilizzazzjoni ġenerali tal-kuxjenza u jsir sforz etiku flimkien biex titnieda kampanja kbira ta’ appoġġ għall-ħajja. Ilkoll flimkien, irridu nibnu kultura ġdida favur il-ħajja”. Din hija l-isfida kbira li rridu nilqgħu bħala r-responsabbiltà tagħna, fiċ-ċertezza li “l-futur taċ-ċiviltà Ewropea jiddependi ħafna minn kemm inħarsu l-ħajja u b’mod deċiż nippromwovu valuri favur il-ħajja,  li huma l-qofol tal-patrimonju kulturali tagħha”. Dan ifisser li l-Ewropa terġa’ tingħata d-dinjità vera tagħha bħala post fejn kull persuna tiġi affermata fid-dinjità tagħha, dinjità li ma tista’ tqabbilha ma’ xejn. (EE 96)

It-tieni punt huwa l-istedina biex nippromwovu kultura li nilqgħu lil xulxin:

L-isfidi li bħalissa qed niffaċċjaw biex naqdu l-Evanġelju tat-tama jinkludu l-fenomenu dejjem jikber tal-migrazzjoni, li jitlob il-ħila tal-Knisja li tilqa’ lil kull persuna irrispettivament minn liema poplu jew nazzjon ġejja. Dan il-fenomenu qed iqanqal ukoll lis-soċjetà Ewropea u lill-istituzzjonijiet tagħha kollha kemm huma biex ifittxu ordni ġust u forom ta’ kif ngħixu flimkien, forom li għandhom il-ħila li jirrispettaw lil kulħadd, kif ukoll jirrispettaw dak li titlob il-liġi, fi ħdan proċess ta’ integrazzjoni li tkun fattibbli.

Jekk inqisu l-istat ta’ faqar estrem, sottożvilupp u nuqqas ta’ libertà li sfortunatament għadu jikkaratterizza diversi pajjiżi, dawn huma uħud mill-kawżi li jwasslu lil ħafna biex iħallu arthom.  Hemm bżonn ta’ impenn kuraġġuż min-naħa ta’ kulħadd biex iseħħ ordni ekonomiku internazzjonali ġust li kapaċi jippromwovi l-iżvilupp veru ta’ kull poplu u pajjiż. (EE 100)

Il-fenomenu tal-migrazzjoni jisfida l-kapaċità tal-Ewropa li tipprovdi għal forom ta’ aċċettazzjoni u ospitalità intelliġenti. Jekk inħarsu b’mod “universali” lejn il-ġid komuni, allura jeħtieġ li nwessgħu l-ħarsa tagħna biex inħaddnu l-ħtiġijiet tal-familja umana kollha. Il-fenomenu tal-globalizzazzjoni fih innifsu jitlob ftuħ u qsim, inkella jkun biss għajn ta’ esklużjoni u emarġinazzjoni, iżda pjuttost għandu jkun bażi għas-solidarjetà u l-qsim bejn kulħadd fejn tidħol il-produzzjoni u l-qsim tal-ġid.

Kulħadd irid jaħdem biex tikber kultura matura li nilqgħu lil xulxin, li, meta tqis li kull persuna għandha dinjità indaqs u allura l-ħtieġa ta’ solidarjetà mal-inqas ixxurtjati, din titlob l-għarfien tad-drittijiet fundamentali ta’ kull migrant. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ir-responsabbiltà li jikkontrollaw mewġiet ta’ migrazzjoni minħabba l-ġid komuni. Meta jintlaqgħu l-migranti, din trid dejjem isseħħ fir-rispett tal-liġi u għalhekk trid issir, meta jkun hemm bżonn, ma’ kontroll iebes tal-abbużi.  (EE 101)

Hemm bżonn ukoll ta’ impenn biex jiġu identifikati forom possibbli ta’ integrazzjoni ġenwina min-naħa ta’ immigranti li ġew milqugħa b’mod leġittimu fin-nisġa soċjali u kulturali tan-nazzjonijiet differenti Ewropej. Dan jirrikjedi li ma nċedux għall-indifferenza fejn jidħlu l-valuri umani universali u anke li nagħmlu ħilitna biex jiġi salvagwardjat il-patrimonju kulturali ta’ kull nazzjon. Li nistgħu ngħixu flimkien fis-sliem u li naqsmu bejnietna r-rikkezzi interjuri ta’ xulxin jagħmluha possibbli li tinbena Ewropa li tkun kapaċi ssir dar għal kulħadd, li fiha kull persuna tħossha milqugħa u ħadd ma jbati diskriminazzjoni, fejn in-nies kollha jiġu ttrattati b’mod responsabbli u jkunu jistgħu jgħixu bħala membri ta’ familja waħda kbira.  (EE 102)

Min-naħa tagħha, il-Knisja hija msejħa “biex tkompli l-ħidma tagħha biex toħloq u ttejjeb il-ħin kollu s-servizzi tagħha biex tagħti merħba attenzjoni pastorali tagħha għall-immigranti u r-refuġjati”, sabiex tiżgura r-rispett għad-dinjità u l-libertà tagħhom u tippromwovi l-integrazzjoni tagħhom.

B’mod partikolari, jeħtieġ li tingħata kura pastorali speċifika għall-integrazzjoni tal-immigranti Kattoliċi, b’rispett għall-kultura tagħhom u t-tradizzjonijiet reliġjużi distinti tagħhom. Għaldaqstant, għandhom jitħeġġu kuntatti bejn il-Knejjes fil-pajjiżi ta’ minn fejn ġejjin u l-pajjiżi li fihom emigraw sabiex jiġu studjati forom ta’ għajnuna li jistgħu jinkludu l-preżenza fost l-immigranti ta’ saċerdoti, irġiel u nisa konsagrati, u ħaddiema pastorali mħarrġa sew minn pajjiżhom stess.

Is-servizz tal-Evanġelju jitlob ukoll li l-Knisja, fil-ħarsien tal-kawża ta’ dawk il-persuni li huma oppressi u esklużi, tappella lill-awtoritajiet politiċi tal-Istati differenti u lill-mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej biex jagħtu status ta’ refuġjat lil dawk li jkunu telqu minn pajjiżhom minħabba theddid għal ħajjithom, u tgħinhom jirritornaw lejn pajjiżhom, u biex joħolqu kundizzjonijiet li jiffavorixxu r-rispett tad-dinjità tal-immigranti kollha u d-difiża tad-drittijiet fundamentali tagħhom.  (EE 103)

Hija kommoventi ħafna l-karba mill-qalb li San Ġwanni Pawlu II jindirizza lill-Ewropa maħbuba tiegħu fi tmiem l-Eżortazzjoni Appostolika Ecclesia in Europa:

L-Ewropa teħtieġ li tagħmel qabża ta’ kwalità biex issir konxja tal-wirt spiritwali tagħha. Huwa biss is-smigħ mill-ġdid tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu li jagħti spinta lil dan. Hija r-responsabbiltà tal-insara kollha li jimpenjaw ruħhom biex jaqtgħu dan il-ġuħ u l-għatx għall-ħajja.

Bħala konsegwenza, “il-Knisja tħoss id-dmir tagħha li ttenni bil-qawwa l-messaġġ ta’ tama fdat lilha minn Alla” u terġa’ tgħid lill-Ewropa: “‘Il-Mulej Alla tiegħek qiegħed f’nofsek, Ħellies qawwi!’ (Sof 3:17). L-istedina tagħha għat-tama mhix ibbażata fuq ideoloġija li ma tistax tintlaħaq; għall-kuntrarju, huwa l-messaġġ ta’ ħelsien ta’ kull żmien imħabbar minn Kristu (ara Mk 1,15). Bl-awtorità li rċeviet mingħand Sidha, il-Knisja ttenni lill-Ewropa tal-lum: L-Ewropa tat-tielet millennju, “tħallix idejk jiddgħajfu! (Sof 3:16); taqtax qalbek, tirrassenjax ruħek għal modi ta’ ħsieb u ta’ għajxien li m’għandhomx futur għax mhumiex ibbażati fuq iċ-ċertezza soda tal-Kelma t’Alla!”

Waqt li nieħu mill-ġdid din l-istedina għat-tama, nerġa’ ntenni lilek illum: Ewropa, kif int tinsab fil-bidu tat-tielet millennju, “Iftaħ il-bibien għal Kristu! Kun dak li int. Skopri mill-ġdid il-bidu tiegħek. Erġa’ għix l-għeruq tiegħek”.  Matul is-sekli rċevejt it-teżor tal-fidi Nisranija. U dan kien il-pedament li fuqu int inbnejt bħala soċjetà fuq prinċipji meħuda mill-Evanġelju, u ta’ dan huma xhieda l-arti, il-letteratura, il-ħsieb u l-kultura tan-nazzjonijiet tiegħek. Imma dan il-wirt mhuwiex biss tal-passat; imma huwa proġett li għadu jseħħ u li għandu jgħaddi lill-ġenerazzjonijiet futuri, għax immarka b’mod li ma jitħassarx il-ħajja tal-individwi u l-popli li flimkien sawru l-kontinent Ewropew. (EE 120)

La tibżax! L-Evanġelju mhux kontrik, imma hu għall-ġid tiegħek. Dan huwa mwettaq mill-fatt li l-ispirazzjoni Nisranija kapaċi tibdel il-gruppi politiċi, kulturali u ekonomiċi f’forma ta’ koeżistenza li fiha l-Ewropej kollha jħossuhom li qegħdin f’darhom u li jiffurmaw familja ta’ ġnus li minnhom inħawi oħra tad-dinja jistgħu jieħdu ispirazzjoni li tagħti l-frott.

Ħa jkollok fiduċja! Fl-Evanġelju, li hu Ġesù nnifsu, issib it-tama ċerta u dejjiema li tant tixtieq. Din hija tama msejsa fuq ir-rebħa ta’ Kristu fuq id-dnub u l-mewt. Hu jixtieq li din ir-rebħa tkun tiegħek ukoll, għas-salvazzjoni tiegħek u biex ikollok l-hena.

Ibqa’ ċert! L-Evanġelju tat-tama ma jiddiżappuntax! Matul it-tibdil matul l-istorja tiegħek, ilbieraħ u llum, huwa dejjem kien id-dawl li jdawwal u jmexxi triqtek; huwa s-saħħa li jsostnik fil-provi; huwa l-profezija ta’ dinja ġdida; huwa s-sinjal ta’ bidu ġdid; huwa stedina għal kulħadd, kemm dawk li jemmnu kif ukoll dawk li ma jemmnux, biex jinstabu toroq ġodda li jwasslu għal “Ewropa tal-Ispirtu”, sabiex il-kontinent isir vera “dar komuni” mimlija bil-ferħ tal-ħajja.  (EE 121)

It-tema tat-tama għall-Ewropa kienet imfakkra bil-qawwa mill-Papa Franġisku fl-24 ta’ Marzu 2017 fid-diskors tiegħu lill-Kapijiet tal-pajjiżi u tal-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tas-60 anniversarju mill-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma. Il-Papa jistieden lill-politiċi biex “jiddixxernu t-toroq tat-tama” u jsemmi xi kriterji ermenewtiċi:

  • L-Ewropa terġa’ tikseb it-tama meta l-bniedem ikun iċ-ċentru u l-qalb tal-istituzzjonijiet tagħha.
  • L-Ewropa terġa’ tiskopri t-tama fis-solidarjetà, li hija wkoll l-aktar antidotu effettiv għall-populiżmu modern. Is-solidarjetà hija li wieħed jagħraf li hu parti minn ġisem wieħed u fl-istess ħin timplika l-ħila li kull membru għandu biex “jissimpatizza” mal-ieħor u ma’ kollox. Jekk wieħed ibati, ibatu lkoll (ara 1 Kor 12:26).
  • L-Ewropa terġa’ tikseb it-tama meta ma tingħalaqx fiha nfisha bil-biża’ ta’ sigurtajiet foloz.  Għall-kuntrarju, l-istorja tagħha dejjem kienet immarkata b’mod qawwi mill-laqgħa ma’ popli u kulturi oħra u l-identità tagħha “hija, u dejjem kienet, identità dinamika u multikulturali”.
  • L-Ewropa terġa’ tikseb it-tama meta tinvesti fl-iżvilupp u l-paċi. L-iżvilupp mhuwiex frott ta’ xi teknika ta’ produzzjoni, imma jirrigwarda lill-bnedmin kollha: id-dinjità tax-xogħol tagħhom, il-kundizzjonijiet tal-għajxien diċenti, il-possibbiltà li wieħed ikollu edukazzjoni u l-kura medika meħtieġa.
  • L-Ewropa terġa’ tikseb it-tama meta tinfetaħ għall-ġejjieni. Meta tkun miftuħa għaż-żgħażagħ billi toffrilhom prospetti serji ta’ edukazzjoni, possibbiltajiet veri biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Meta tinvesti fil-familja, li hija l-ewwel ċellula u fundamentali tas-soċjetà. Meta tirrispetta l-kuxjenza u l-ideali taċ-ċittadini tagħha. Meta tiggarantixxi l-possibbiltà li wieħed ikollu t-tfal mingħajr il-biża’ li ma jkunx jista’ jsostnihom. Meta tiddefendi l-ħajja fil-qdusija kollha tagħha.

Jidher mill-ewwel kemm hemm armonija bejn il-maġisteru ta’ San Ġwanni Pawlu II f’Eccelsia in Europa u l-maġisteru tal-Papa Franġisku. Min-naħa l-oħra, il-Papa  Franġisku ddedika 37 katekeżi fuq it-tema tat-Tama bejn l-2016 u l-2017 waqt l-Udjenza Ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa. Fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Evangelii Gaudium tal-24 ta’ Novembru 2013, il-Papa Franġisku iddikjara “Le għall-pessimiżmu li ma jħallix frott” (EG 84-86), u jgħid li din l-attitudni negattiva hija fost it-“Tentazzjonijiet tal-Operaturi Pastorali” (EG 76-109). Wara kważi għaxar snin,  għadu għadu jinħass attwali:

Waħda mill-iżjed tentazzjonijiet serji li jifgaw il-ħeġġa u l-kuraġġ huwa meta nħossuna mirbuħin, sens li jibdilna f’persuni pessimisti b’wiċċhom imkemmex li dejjem imdejqin u qalbhom maqtugħa.  Ħadd ma jista’ jidħol għal battalja jekk sa minn qabel ma jittamax għalkollox fi trijonf.  Min jitlaq bl-ewwel passi mingħajr ma jkollu fiduċja diġà tilef minn qabel nofs il-battalja u jkun qed jidfen it-talenti tiegħu.  Anki jekk bl-għarfien tad-dgħufijiet tagħna li jnikktuna, jeħtieġ nibqgħu mexjin ’il quddiem mingħajr ma nagħtu ruħna b’mirbuħa, u niftakru dak li qal il-Mulej lil San Pawl: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:9).  It-trijonf Nisrani dejjem hu salib, imma salib li fl-istess ħin hu stendard ta’ rebħa, li nġorruh bi ħlewwa lesta biex tissielet kontra l-attakki tal-ħażen.  L-ispirtu ħażin tat-telfa hu ħu t-tentazzjoni li nifirdu qabel iż-żmien il-qamħ mis-sikrana, frott nuqqas ta’ fiduċja anzjuż u egoċentriku.  (EG 85) 

Hu ċar li f’xi nħawi seħħet “deżertifikazzjoni” spiritwali, frott il-proġett ta’ soċjetajiet li jridu jibnu lilhom infushom mingħajr Alla jew li jippruvaw jeqirdu l-għeruq Insara tagħhom.  Hemm “id-dinja Nisranija qed issir sterili, qed tinxef, bħal art sfruttata żżejjed li tispiċċa ramel ta’ deżert”.[66]  F’xi pajjiżi oħra, ir-reżistenza vjolenti kontra l-Kristjaneżmu lill-Insara qed tobbligahom jgħixu l-fidi tagħhom kważi bil-moħbi fl-istess pajjiż li huma tant iħobbu.  Din hi għamla oħra kerha ta’ deżert.  Anki l-familja u l-post tax-xogħol jistgħu jsiru dak l-ambjent niexef fejn hemm bżonn inżommu ħajja l-fidi u nfittxu li nxerrduha.  Imma “irridu nibdew billi nġarrbu dan id-deżert, dan il-vojt, biex nistgħu niskopru mill-ġdid il-ferħ li nemmnu u l-importanza vitali li għandha għalina l-fidi.  Fid-deżert nerġgħu niskopru l-valur ta’ x’inhu essenzjali għall-ħajja; għalhekk fid-dinja tal-lum għandna għadd kbir ta’ sinjali, li spiss jidhru b’mod impliċitu jew negattiv, tal-għatx għal Alla, għat-tifsira aħħarija tal-ħajja.  U fid-deżert hemm bżonn ta’ nies ta’ fidi li b’ħajjithom stess juru liema hija t-triq lejn l-Art Imwiegħda u jżommu ħajja t-tama”.   Hu x’inhu, f’dawk iċ-ċirkustanzi aħna msejħin inkunu ġarar ta’ ilma ħaj biex nagħtu jixorbu lill-oħrajn.  Kultant il-ġarra tinbidel f’salib tqil, imma hu propju fuq is-Salib li l-Mulej, b’ġenbu minfud, ingħata għalina bħala għajn ta’ ilma ħaj.  Ma nħallux lil min jisirqilna t-tama! (EG 86)

Nixtieq nagħlaq dan l-intervent modest tiegħi bi kwotazzjoni sabiħa mill-mibki Papa Benedittu XVI. Fl-Enċiklika tiegħu Spe Salvi tat-30 ta’ Novembru 2007 tana riflessjoni profonda u teoloġika dwar il-virtù tat-tama. F’Ottubru 2012, ftit xhur qabel ir-riżenja storika tiegħu, ġie ppubblikat it-test ta’ intervista qasira li l-Papa Benedittu XVI kien ta għall-film “Bells of Europe: A Journey in the Faith through Europe”. Mitlub jispjega r-raġunijiet għat-tama tiegħu għall-Ewropa, il-Papa Benedittu XVI ta din it-tweġiba meraviljuża mimlija għerf:

L-ewwel raġuni għat-tama tiegħi tikkonsisti fil-fatt li x-xewqa għal Alla, it-tfittxija għal Alla hija mnaqqxa fil-fond f’kull ruħ tal-bniedem u ma tistax titħassar. Ċertament, għal xi żmien, wieħed jista’ jinsa lil Alla, iwarrbu fil-ġenb, ikun moħħu f’affarijiet oħra, imma Alla ma jgħib qatt. Dak li jgħid Santu Wistin hu minnu, li aħna l-bnedmin ma nsibux mistrieħ qabel insibu lil Alla. Dan għadu jgħodd sal-lum. Hija t-tama li l-bniedem, anke llum, jerġa’ jibda din il-mixja tiegħu lejn Alla.

It-tieni raġuni għat-tama tiegħi hija li l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, il-fidi fi Kristu huma veri. U l-verità ma tixjieħ qatt. Wieħed jista’ jinsa għal ċertu żmien, jista’ jdur għal affarijiet oħra, jista’ jwarrabha, imma l-verità bħala tali ma tgħib qatt. L-ideoloġiji għandhom il-jiem tagħhom magħdudin. Jidhru li jkunu b’saħħithom, jiġbduk, iżda wara ftit jispiċċaw fix-xejn, isiru bla saħħa,  għax ma fihomx verità profonda. Huma dellijiet tal-verità, iżda fl-aħħar jintemmu fix-xejn. Iżda l-Evanġelju huwa veru, u għalhekk qatt ma jintemm. Fi żminijiet differenti ta’ l-istorja nistgħu naraw d-dimensjonijiet ġodda tiegħu, nistgħu naraw dejjem il-ġdid biex iwieġeb għall-bżonnijiet tal-qalb tal-bniedem u tar-raġuni li wieħed jista’ jimxi f’din il-verità. U għalhekk, proprju għal din ir-raġuni, jien konvint li hemm ukoll rebbiegħa ġdida għall-Kristjaneżmu.

It-tielet raġuni naraha fil-fatt li hemm dan l-irkwiet fost iż-żgħażagħ illum. Iż-żgħażagħ raw ħafna affarijiet – kemm offrewlhom ideoloġiji u l-konsumiżmu – iżda jindunaw li hemm il-vojt f’dan kollu, li dan waħdu mhux biżżejjed. Il-bniedem huwa maħluq għall-infinit. Dak kollu li jintemm huwa ftit wisq! U għalhekk naraw kif, proprju fil-ġenerazzjonijiet il-ġodda, din l-irkwiet jerġa’ jqajjem rasu, u huma jibdew din il-mixja, u b’hekk reġgħu skoprew mill-ġdid il-ġmiel tal-Kristjaneżmu; Kristjaneżmu mhux bi prezz baxx jew imnaqqas, imma fin-natura u l-profondità radikali tiegħu. Għalhekk jidhirli li l-antropoloġija bħala tali turina li dejjem se jkun hemm qawmien mill-ġdid tal-Kristjaneżmu u l-fatti jikkonfermaw dan b’kelma waħda: pedament sod. Huwa l-Kristjaneżmu. Il-Kristjaneżmu huwa veru, u l-verità dejjem għandha futur.

Fil-qosor, nixtieq noffri tliet punti għar-riflessjoni tagħna u biex ninżlu fil-fond dwarhom:

1. San Ġwanni Pawlu II iddeskriva l-isfidi li jdallmu t-tama u indika liema huma s-sinjali li jagħtu tama. Mistoqsija li rridu nagħmlu lill-kuxjenza tagħna hija din: kif nistgħu naqdu konkretament l-Evanġelju tat-tama fil-kuntest tal-Ewropa tal-lum? Kif nippromwovu l-kultura tal-ħajja; ir-rwol tan-nisa; attitudni li nilqgħu lil xulxin verament? Kif nistgħu nibdlu t-trawma tal-iskandlu tal-abbuż sesswali fi ħdan il-Knisja f’kultura ta’ prevenzjoni, protezzjoni u akkumpanjament? Kif ngħixu l-profezija tas-sinodalità fis-sinjal tat-tama?

2. Il-Papa Franġisku offra l-kriterji ermenewtiċi biex niddixxernu t-toroq tat-tama. Kif nistgħu naħdmu biex nikkomunikaw dawn il-kriterji u nkunu miftuħa għal sinjali ġodda u toroq ġodda ta’ tama f’kuntest diffiċli minħabba l-impatt negattiv tat-trawma tal-aggressjoni fuq l-integrità territorjali tal-Ukrajna b’tant effetti negattivi fuq livelli differenti?

3. X’reżonanza jħallu fina r-raġunijiet għat-tama li l-mibki Papa Benedittu XVI indika fi-għatx li hemm fina għal Alla, għalll-verità tal-Evanġelju; fit-tħassib taż-żgħażagħ fit-tfittxija ta’ Kristjaneżmu radikali u profond?

X Charles J Scicluna

23 ta’ Ġunju 2023

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes

Fonti

San Giovanni Paolo II, Esortazione Apostolica Ecclesia in Europa, 23 giugno 2003: https://www.vatican.va/content/john-paul-ii/it/apost_exhortations/documents/hf_jp-ii_exh_20030628_ecclesia-in-europa.html

Papa Benedetto XVI, Intervista per il Film “Bells of Europe – Campane d’Europa: Un Viaggio nella Fede attraverso l’Europa, 15 ottobre 2012: https://www.vatican.va/content/benedict-xvi/it/speeches/2012/october/documents/hf_ben-xvi_spe_20121015_bells-of-europe.html

Papa Francesco, Esortazione Apostolica Evangelii Gaudium, 24 novembre 2013: https://www.vatican.va/content/francesco/it/apost_exhortations/documents/papa-francesco_esortazione-ap_20131124_evangelii-gaudium.html

Papa Francesco, Discorso ai Capi di Stato e di Governo dell’Unione Europea in occasione del 60mo Anniversario della Firma dei Trattati di Roma, 24 marzo 2017: https://www.vatican.va/content/francesco/it/speeches/2017/march/documents/papa-francesco_20170324_capi-unione-europea.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading