Illum il-Vanġelu huwa wieħed sabiħ ħafna; il-parabbola ta’ dak li jiżra’ (Mt 13, 1-23). Il-Papa fl-Angelus jgħidilina li Ġesu’ dejjem jiżra b’ġenerożita kbira, jiġifieri jiżra mingħajr ma jgħejja! Imma għalfejn jagħmel hekk?
U l-Papa jurina dan b’eżempji mid-dinja tal-lum. Il-ġenituri li ma jgħejjew qatt jgħaddu l-fidi tagħhom lil uliedhom, anke meta dan jidher li mhux qed iħalli frott. Il-Papa jgħid li ż-żerriegħa tal-fidi tibqa’ hemm anke meta kollox jidher mitluf. Eżempji oħra huma ż-żgħażagħ li jiddedikaw ruħhom għall-volontarjat u l-qassisin, reliġjużi u lajċi li jaħdmu fix-xandir tal-Kelma ta’ Alla.
Huwa fil-mumenti fejn aħna naħsbu li ma hu qed isir xejn li l-Ispirtu s-Santu jkun qed iħalli l-frott! U l-Papa jistedinna biex naħsbu f’dawk li żergħu fina l-Kelma ta’ Alla. Dan ġara forsi ħafna snin wara imma kien permezz tagħhom li sar dan! U l-Papa bħas-soltu jagħmlilna ftit mistoqsijiet: Qed niżra għalija jew għall-oħrjan? Nixħet iż-żerriegħa tal-Vanġelu fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum? Niskoraġixxi ruħi jew bħal Ġesu niżra mingħajr waqfien anke jekk ma narax riżultati mal-ewwel?
Tista tara l-post ta’ facebook hawnhekk: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid0jNJdYdudopoXigEc7zXpU1TCoBuSQeSktCxM1jc5MfEGka5tqMgxhbiVVsdEhCBal