QARI I
Alla mhu se jġarrab lil ħadd.
Ġak 1, 12-18
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Hieni l-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib, jaqla’ l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh. Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: “Alla qiegħed iġarrabni”, għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas mhu se jġarrab lil ħadd. Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess. Imbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.
La titqarrqux, aħwa għeżież tiegħi. Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir. Għax ried hu, wilidna bil-kelma tal-verità, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 93 (94), 12-13a.14-15.18-19
R/. (12a): Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej
Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej,
li tgħallmu l-liġi tiegħek,
biex isserrħu f’jiem l-għawġ. R/.
Għax il-Mulej ma jitlaqx il-poplu tiegħu,
ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.
Għax il-ħaqq jerġa’ jsir bil-ġustizzja,
u fuqu jimxu dawk kollha ta’ qalb safja. R/.
Biżżejjed ngħid: “Qiegħed jiżloq riġli”,
biex tjubitek, Mulej, tweżinni.
Meta joktor l-hemm ġo qalbi,
il-faraġ tiegħek ihennili ruħi. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 23
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi.
Mk 8, 14-21
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, id-dixxipli nsew jieħdu l-ħobż, u ma kellhomx ħlief ħobża waħda magħhom fid-dgħajsa. Ġesù wissiehom u qalilhom: “Iftħu għajnejkom, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi!”. Huma bdew jgħidu bejniethom: “Dan għax m’għandniex ħobż”.
Ġesù induna u qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom li ma għandkomx ħobż? Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’ebusija ta’ ras għandkom? Għandkom għajnejn u ma tarawx, għandkom widnejn u ma tisimgħux? Ma tiftakrux meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn il-ħamest elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu mimlija bil-bċejjeċ li kien fadal?”. Qalulu: “Tnax”. “Meta qassamt is-seba’ ħobżiet bejn l-erbat elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu bil-bċejjeċ li kien fadal?”. Qalulu: “Sebgħa”. “U għadkom ma fhimtux?” qalilhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu