LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 3 ta’ Ġunju 2026
Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II
Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium
3. Ir-rit, is-sinjal, is-simbolu
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Inkomplu bil-katekeżijiet fuq il-Kostituzzjoni konċiljari Sacrosanctum Concilium (SC), u rridu nieqfu nirriflettu fuq xi elementi kostituttivi tal-liturġija mqaddsa, jiġifieri r-rit, is-sinjal u s-simbolu.
Il-Konċilju Vatikan II, waqt li jgħożż kemm kienet prezzjuża l-ħidma tal-Moviment liturġiku, għenna niskopru mill-ġdid verità ħajja ħafna fl-għarfien li kellha l-Knisja tal-qedem u fit-tagħlim tal-Padri. Ir-riti tal-liturġija Nisranija ma humiex xi libsa minn barra li tingħata lill-misteru sagramentali, ġabra ta’ ċerimonji arbitrarji, imma huma l-medjazzjoni ekkleżjali li permezz tagħha d-don divin jasal għandna. Proprju għalhekk il-Konċilju jistedinna nifhmu l-Mysterium fidei li jseħħ fil-liturġija permezz tar-riti u t-talb (ara SC, 48).
Ir-rit jagħti sura lill-azzjoni liturġika u, permezz tiegħu, lill-ħajja tagħna, billi jnissel fina sensibbiltà spiritwali li biha nistgħu niggustaw il-preżenza ta’ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Naturalment dan iseħħ jekk aħna ma nibqgħux barranin jew spettaturi muti (ara ibid.) quddiem il-liturġija, imma nieħdu sehem fiha b’dak kollu li aħna – ġisem, moħħ u qalb –, f’ubbidjenza għall-kmand tal-Mulej. Hekk, permezz tar-rit imqaddes niġu msawra fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, fir-radd ta’ ħajr u fl-adorazzjoni, fil-qsim bejn l-aħwa u fil-komunjoni ekkleżjali. Niskopru li aħna ġemgħa ta’ ħafna wċuħ, miġbura flimkien mill-istess fidi.
Ir-rit idaħħalna f’sekwenza ta’ ġesti u ta’ talbiet magħżula, li xi drabi tista’ tistona ħdejn it-tendenza individwali tagħna għall-ispontanjetà. Imma l-loġika tagħha mhix dik li taqfel il-libertà fi skemi. Bil-maqlub, bis-sobrjetà solenni tar-ritmi tiegħu, ir-rit jinterrompi attivitajiet frenetiċi, u jerġa’ jeħodna għall-essenzjal. U hekk niskopru dimensjoni oħra tal-għemil, li mhix immexxija minn kalkoli produttivi, u esperjenza oħra taż-żmien u tal-ispazju. Fir-rit nesperimentaw loġika ta’ gratwità, insibu waqfa li tirriġenera lill-qalb, nirrikonoxxu li qabilna hemm il-grazzja divina, nitgħallmu ngħixu f’ritmu li fih jgħammar l-Ispirtu s-Santu.
Il-grammatika tar-rit hi minsuġa minn sinjali u minn simboli proprji tal-liturġija. Fiha, kif jafferma l-Konċilju, “jitfisser u jseħħ, permezz ta’ sinjali sensibbli, it-tqaddis tal-bniedem skont il-mod proprju tiegħu” (SC, 7). Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jinżel aktar fil-fond tal-valur ta’ dawn is-sinjali, u jfakkar li “t-tifsir ta’ dawn is-sinjali u ta’ dawn is-simboli għandu l-għeruq tiegħu fil-ħolqien u fil-kultura tal-bniedem, għandna ħjiel tiegħu fil-ġrajjiet tal-Patt il-Qadim, u jidher sħiħ fil-persuna u l-ħidma ta’ Kristu” (n. 1145). Emblematiku hu s-sinjal tal-ilma: mill-bidu tal-ħolqien sad-dilluvju, mill-mogħdija mill-Baħar l-Aħmar sal-Ġordan, sal-ilma li jgelgel mill-kustat ta’ Kristu u jsir sinjal sagramentali tat-tagħdis fil-mewt u l-qawmien tiegħu.
“Sinjal” u “simbolu” huma termini li spiss jintużaw bħala sinonimi. Fir-realtà, sinjal hu simboliku meta kapaċi jfakkarna mhux biss f’idea, imma f’sistema sħiħa ta’ tifsiriet u ta’ valuri. Hekk, ngħidu aħna, meta niġu mraxxa bl-ilma mbierek jerġgħu jitqajmu fina l-għarfien tad-don li rċivejna bil-Magħmudija u t-twaħħid tagħna mal-ħajja ġdida fi Kristu. Fit-tieni post, is-simboli għandhom essenzjalment karattru prattiku, għax huma qabelxejn azzjonijiet: uħud iżjed sempliċi u komuni, bħal li wieħed jinżel għarkupptejh jew jagħti l-paċi, jew aktar impenjattivi, bħall-atti kostituttivi ta’ kull Sagrament. Fuq kollox, is-simboli għndhom dimensjoni singulari performattiva u trasformattiva, kemm lejn l-elementi materjali li jsawruhom, kemm lejn dawk li jidħlu f’kuntatt magħhom, u jnisslu appartenenza, imissu l-qalb u l-moħħ, iqanqlu relazzjonijiet ekkleżjali awtentiċi.
Fl-Ittra Appostolika Desiderio desideravi, il-Papa Franġisku, huwa u jagħmel tiegħu affermazzjoni ta’ Romano Guardini, semma liema hu “l-ewwel dmir tal-ħidma tal-formazzjoni liturġika: il-bniedem għandu jsir mill-ġdid kapaċi jaqra s-simboli” (n. 44). Għandna bżonn li nħallu jedukawna r-riti tal-liturġija, nikkuraw b’id fina u mingħajr arbitrarjetà l-ġmiel taċ-ċelebrazzjonijiet tagħna, u nħabirku għal mistagoġija awtentika. L-esperjenza ta’ liturġija ħajja u devota, imsieħba minn katekeżi mistagoġika f’waqtha, hija l-aħjar riżorsa biex f’kulħadd inqanqlu dak il-ftuħ għal-laqgħa ma’ Alla li, fil-loġika tal-Inkarnazzjoni, tista’ sseħħ biss jekk tinvolvi lill-bniedem sħiħ: spirtu, ruħ u ġisem (ara 1 Tess 5:23).
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard