Fis-7 ta’ Jannar ta’ din is-sena (2026), waqt l-Udjenzi Ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa, il-Papa Ljun XIV kien ta bidu għal sensiela ġdida ta’ katekeżijiet, din id-darba ddedikati għall-Konċilju Vatikan II u lill-qari mill-ġdid tad-Dokumenti tiegħu.
Vatikan II, kien ġrajja storika u ta’ importanza kbira li seħħet fil-Knisja bejn il-11 ta’ Ottubru 1962 u t-8 ta’ Diċembru 1965. Hu ġrajja ekkleżjali li fi kliem San Ġwanni Pawlu II, fi tmiem il-Ġublew tas-sena 2000, dan il-konċilju kien grazzja kbira li l-Knisja gawdiet minnha fis-seklu għoxrin. (Ittra Appostolika Novo millennio ineunte, 57).
Fil-bidu ta’ din is-sensjiela ta’ katekeżijiet, il-Papa Ljun XIV stqarr li ħass is-sejħa li nfittxu mill-ġdid toroq u modi biex nattwaw l-intuwizzjonijiet tal-konċilju sabiex mill-ġdid insiru nafuh mill-qrib, u dan nagħmluh mhux minn dak li smajna jew l-interpretazzjonijiet li ngħataw tiegħu, imma billi naqraw mill-ġdid id-dokumenti tiegħu u nirriflettu fuq il-kontenut tagħhom. Fil-fatt dan hu l-Maġisteru li għadu jsawwar sal-lum il-kewkba li turi t-triq tal-mixja tal-Knisja. (Katekeżi 7 ta’ Jannar 2026)
Sittin sena wara
Għaddew 67 sena mill-ġrajja storika tal-25 ta’ Jannar 1959, meta fil-Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura, il-Papa San Ġwanni XXIII sejjaħ lil madwar elfejn u ħames mitt isqof mid-dinja kollha biex jiltaqgħu u jagħtu bidu għal dan il-konċilju. Huwa stess kien għadu mhux konxju għal kollox x’kienet tfisser tassew din id-deċiżjoni tiegħu. Lil wieħed ġurnalista li staqsih dwar x’inhuwa l-konċilju, il-Papa l-ewwel wieġbu, “Ma nafx”, imma imbagħad ressqu lejn it-tieqa, fetaħha u qallu: “Ftit arja friska. Dan hu li nixtiequ mill-Konċilju”.
Il-Konċilju Vatikan II ma kienx biss mument fl-istorja, imma kien terremot spiritwali u teoloġiku li pprova jġedded il-wiċċ ta’ istituzzjoni li kienet qed tidher magħluqa fiha nnifisha u maqtugħa mid-dinja moderna.
Madankollu, meta llum, fl-2026, aħna nħarsu lejn il-Knisja globali u dik lokali f’Malta, jqumu diversi domandi. Aħna, matul dawn is-sittin sena, implimentajnieh verament il-Konċilju, jew bżajna mir-riħ qawwi li ġab miegħu? Aktar minn hekk, aħna llum, kemm nafuh il-Konċilju? Kemm aħna lesti li nitkixxfu dwaru? Qatt tkellimna fuq il-konċilju mal-oħrajn? Kemm qrajna fuqu jew smajna lil min jirreferi dwaru waqt xi diskors jew priedka? Kekk le, tal-inqas illum, kemm aħna lesti nagħtu l-ewwel pass, jew għadna għal kollox indifferenti minnu?
Ikollna nammettu li ħafna baqgħu jsibuha bi tqila biex jaċċettaw il-Konċilju Vatikan II, imma agħar minn hekk, ħafna oħrajn sempliċiment ma jimpurthom xejn minnu.
Qabel id-dokumenti tal-Konċilju, huwa meħtieġ l-Ispirtu tiegħu
Tajjeb inżommu f’moħħna li l-konċilju ma sarx biex jikteb id-dokumenti, iżda biex iwieġeb għall-isfidi enormi tas-seklu għoxrin. Kien żmien meta l-umanità kienet esperjenzat żewġ gwerer dinjija bil-konsegwenzi kiefra kollha li ġabu magħhom. Kien żmien ta’ sekularizzazzjoni qawwi, meta saħansitra l-progress mgħaġġel xjentifiku u teknoloġiku ġab miegħu bidliet kulturali profondi, li ħasad lil bosta. Fuq kollox kien żmien ta’ aljenazzjoni, mrta l-iżvilup fil-mezzi tal-komunikazzjoni, speċjalment it-televiżjoni, qabad lil bosta mexxejja fil-Knisja fuq sieq waħda. Kien għalhekk li l-Knisja, ħasset il-ħtieġa li terġa’ titkellem mal-bniedem modern.
Fi kliem il-Papa Ġwanni XXIII, kien wasal żmien l-aggiornamento fi ħdan il-Knisja nfisha. Il-Knisja wkoll ħtiġilha taġġorna lilha nfisha, mhux tinbidel imma tiġġedded. Mhux bidla fil-fidi, imma tiġdid fil-mod kif il-Knisja tgħix u tħabbar il-fidi. Il-Konċilju ma riedx joħloq Knisja ġdida, iżda jgħin lill-Knisja tkun aktar fidila lejn Kristu u lejn il-poplu ta’ Alla fdat fil-kura tagħha.
Id-dokumenti mhumiex sempliċi noti fuq dak li sar
Is-sittax-il dokument tal-Konċilju Vatikan II ma kinux maħsuba bħala sempliċi testi jew dokumenti amministrattivi, imma bħala pilastri spiritwali, pastorali u teoloġiċi li fuqhom l-Isqfijiet tal-Konċilju xtaqu jerġgħu jibnu u jġeddu lill-Knisja. Konna drajna wisq li fil-laqgħat kollha li jsiru fid-diversi entitajiet tal-Knisja, wara kull seduta jinkitbu l-minuti. Sfortunatament, bosta għandhom iġorru din il-mentalità sal-lum. Għalihom dak li jinkiteb fuq il-karta, huwa aktar importanti mil-laqgħa nfisha, għaliex kif jgħidu huma, il-laqgħa tintemm u tintesa, imma l-kitba tibqa’. Scripta manent.
Fil-każ tal-Konċilju Vatikan II, kien hemm fost il-kurjalist tal-Vatikan li saħansitra ħejjew abbozzi tad-dokumenti sa minn qabel bdew il-laqgħat bejn l-Isqfijiet. Kull ma kien jonqos kienet biss il-firma tagħhom meta jiġu Ruma minn pajjiżhom. Imma meta beda l-konċilju, l-Isqfijiet irrifjutaw li jaċċettawhom dawk il-kitbiet, bla ma lanqas biss qrawhom. “Biex niffirmaw dak li ħejjetu intom, allura stajna ma ġejna xejn. Stajtu bghattuhomlna u konna niffirmawhom minn djarna.”
Illum spiss jiġri l-istess f’bosta mill-kumitati u kunsilli tagħna. Id-deċiżjonijiet ikunu diġà meħuda sa minn qabel il-laqgħa, u l-laqgħat mal-membri jkunu biss it-timbru tas-siġill – rubber stamp.
Id-Dokumenti tal-Konċilju mhumiex ġabra ta’ minuti tal-laqgħat
Id-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II ma kinux karti arkivjati fuq xkaffa. Huwa saru l-pedamenti ta’ proġett enormi ta’ tiġdid ekkleżjali. Kull dokument jindirizza aspett essenzjali tal-ħajja tal-Knisja, u flimkien jiffurmaw struttura waħda organika. Huma l-blat li fuqhom hija mibnija l-istruttura kollha. Huma l-pilastri li fuqhom jistrieħ is-saqaf. Huma l-istrateġija fil-mixja tal-poplu ta’ Alla. Huma l-linji li fuqhom jitmexxa kull restawr pastorali li jkun meħtieg minn żmien għal żmien.
Erba’ minn dawn id-dokumenti, magħrufa bħala l-Kostituzzjonijiet, huma l-istess fundament tal-istruttura kollha għaliex jitrattaw dwar temi bażiċi li fuqhom kienet dejjem mibnija l-Knisja ta’ Kristu. Dawn huma …
Dei Verbum, dwar ir-Rivelazzjoni Divina,
Lumen Gentium, dwar il-Knisja nfisha,
Sacrosanctum Concilium, dwar il-Liturġija Mqaddsa, u
Gaudium et Spes, dwar il-Knisja fid-Dinja.
Il-kumplament tat-tnax-il dokument l-ieħor, huma pilastri li jsaħħu u li b’mod jew ieħor huma marbuta mal-Kostituzzjonijiet. Dawn huma …
Ad Gentes, dwar il-Ħidma Missjunarja tal-Knisja,
Apostolicam Actuositatem, dwar l-Apostolat tal-Lajċi,
Christus Dominus, dwar l-Uffiċċju Pastorali tal-Isqfijiet,
Dignitatis Humanae, dwar il-Libertà Reliġjuża,
Gravissimum Educationis, dwar l-Edukazzjoni Nisranija,
Inter Mirifica, dwar il-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali,
Nostra Aetate, dwar ir-Relazzjoni mar-Reliġjonijiet mhux Insara,
Orientalium Ecclesiarium, dwar il-Knejjes tal-Lvant,
Optatam Totius, dwar il-Formazzjoni Saċerdotali,
Perfectae Caritatis, dwar it-tiġdid u l-addattament tal-ħajja reliġjuża,
Presbyterorum Ordinis, dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri, u
Unitatis Redintegratio, dwar l-Ekumeniżmu, 21/11/1964.
Għaldaqstant, wara din l-introduzzjoni kemmxejn twila, il-ħsieb huwa li minn hawn ‘l quddiem inkomplu pass pass, din l-mixja tagħna fid-Dokumenti tal-Konċilju Ekumentiku Vatikan II mal-Papa Ljun XIV nnifsu u mal-katekeżijiet li huwa qed jagħtina waqt l-Udjenzi Ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa..
Il-kelma mingħajr l-Ispirtu hija mejta.
Imma qabel nagħmlu dan, jonqosna biss nagħtu nota aħħarija, qasira, imma importantissma. Il-kelma mingħajr l-Ispirtu hija mejta. Qabel naqraw u niflu l-kelma li ħallewlna l-Isqfijiet konċiljari fid-dokumenti li hejjewlna, jeħtieq ikollna l-istess Spirtu li kellhom huma. Dak l-Ispirtu li sspira li Ġwanni XXIII biex isejjaħ il-Konċilju. Dak l-Ispirtu li ggwida lill-Isqfijiet fil-laqgħat tagħhom. Dak l-istess Spirtu li anke llum, minkejja li għaddew aktar minn sittin sena minn tmiem Vatikan II, għadu jmexxi l-Knisja ta’ Kristu.
IL-KATEKEŻIJIET TAL-PAPA LJUN XIV
DWAR ID-DOKUMENTI TAL-KONĊILJU VATIKAN II
Il-Papa Ljun XIV dwar il-Kostituzzjoni Dommatika, Dei Verbum fuq ir-Rivelazzjoni Divina
Introduzzjoni 07/01/2026
1. Alla jkellem lill-bnedmin bħall-ħbieb. 14/01/2026
2. Ġesù Kristu rivelatur tal-Missier. 21/01/2026
3. Ir-Relazzjoni bejn Skrittura u Tradizzjoni. 28/01/2026
4. Kelmet Alla fi kliem il-bniedem. 04/02/2026
5. Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja tal-Knisja. 11/02/2026
Il-Papa Ljun XIV dwar il-Kostituzzjoni Dommatika, Lumen Gentium fuq il-Knisja
1. Il-misteru tal-Knisja, sagrament tal-għaqda ma’ Alla u tar-rabta tal-ġeneru uman kollu. 18/02/2026
2. Il-Knisja, realtà viżibbli u spiritwali. 04/03/2026
3. Il-Knisja poplu ta’ Alla. 11/03/2026
4. Knisja poplu saċerdotali u profetiku. 18/03/2026
5. Fuq il-fundament tal-Appostli. Il-Knisja fid-dimensjoni ġerarkika tagħha. 25/03/2026
6. Ġebel ħaj fil-Knisja u xhieda fid-dinja: il-lajċi fil-poplu ta’ Alla. 01/04/2026
7. Qdusija u kunsilli evanġeliċi fil-Knisja. 08/04/2026
8. Il-Knisja, pellegrina fl-istorja lejn pajjiżna tas-Sema. 06/05/2026
Il-Verġni Marija, mudell tal-Knisja.l-Verġni Marija, mudell tal-Knisja. 13/05/2026
Il-Papa Ljun XIV dwar il-Kostituzzjoni, Sacrosanctum Concilium dwar il-Liturġija Mqaddsa
1. Il-liturġija fil-misteru tal-Knisja. 20/05/2026
2. Ir-Riforma tal-Liturġija. Tradizzjoni u Żviluppl. 27/05/2026.
3. Ir-rit, is-sinjal, is-simbolu. 03/06/2026
