Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea (24)
Kif rajna fir-rakkonti ta’ qabel, il-Kristjaneżmu kien mexa mit-truf tal-Imperu sal-qalba tiegħu. Ir-Reliġjon Nisranija rajnieha titwieled fil-Palestina, timxi mar-rotot u t-triqat tal-Kummerċ ta’ dak iż-żmien, tinfirex fl-ibliet u tilħaq l-ogħla qċaċet tas-Soċjetà ta’ żmienha. Fiż-żmien bejn il-ħakma ta’ Kostantinu u dik ta’ Teodosju rajna l-Kristjaneżmu jsir ir-reliġjon uffiċjali tal-Imperu u fl-istess waqt jaffronta l-problemi tiegħu minn pożizzjoni ta’ poter.
Madanakollu mhux biss barra mill-Imperu imma saħansitra f’partijiet kbar mill-istess Imperu kien hemm żoni fejn il-paganiżmu kien għadu jiddomina. Barra minn hekk kien f’dan iż-żmien meta għall-ewwel darba gruppi ta’ missjunarji ħarġu biex jikkonvertu ġnus sħaħ fit-truf tal-imperu u waqqfu knejjes li t-traċċi tagħhom f’xi naħat għadhom jidhru sa llum. Hawnhekk se naraw xi eżempji ta’ kif dan il-proċess ta’ evanġelizzazzjoni seħħ u x’fadal minn dan kollu llum il-ġurnata.
L-Armenja l-ewwel ġens Nisrani
Dawk li żaru l-Belt Imqaddsa ta’ Ġerusalemm jafu li l-parti l-qadima ta’ din il-belt tinsab maqsuma f’erba’ kwartieri: Lhudi, Musulman, Nisrani u Armen. Meta wieħed jistaqsi x’inhuma dawn tal-aħħar isib li dawn huma poplu Nisrani bi knisja għalih, lingwa partikulari u kultura differenti minn tal-oħrajn. Arthom illum bilkemm għada teżisti (għalkemm mill-1991 inħolqot ir-repubblika Armena f’waħda mill-ex Repubbliċi Sovjetiċi). Iżda fuq kollox għall-Armeni l-aktar ħaġa importanti hi li huma kienu l-ewwel ġens li ħaddnu l-fidi Nisranija bħala poplu sħiħ. Dan seħħ fis-sena 301 wK, tnax-il sena qabel l-Editt ta’ Milan.
F’dan iż-żmien l-Armenja, stat antik li jaf l-oriġini tiegħu fi żmien l-Imperi antiki tal-Assirji u l-Persjani, kienet isservi bħala paraventu li tifred l-Imperu Ruman minn dak Persjan. Din il-pożizzjoni wasslitha biex tibqa’ indipendenti minn dawn iż-żewġ imperi. Imma dan wassal ukoll biex fuq din iż-żona jsiru bosta gwerer. Forsi kienet ix-xewqa li dan il-poplu jżomm l-indipendenza tiegħu li wasslet biex ir-reliġjon Nisranija tiġi mħaddna fi żmien meta f’dawn iż-żewġ imperi l-insara mhux biss kienu minoranza iżda bosta drabi kienu persegwitati. L-Istorja tqis lil San Girgor l-Illuminatur (li jdawwal), Nisrani li skond is-sinessarji (kif jissejħu l-ħajjiet tal-qaddisin tal-Lvant) kien ġej min familja nobbli Persjana, bħala l-evanġelizzatur ta’ dan il-poplu.
Pajjiż okkupat għal snin
Il-konverżjoni ta’ l-Armenja fissret li għal xi żmien ir-Rumani kienu għall-ewwel ostili, imbagħad fi żmien Kostantinu allejati ta’ dan il-poplu. Min-naħa l-oħra l-Persja nvadiet kemm-il darba l-Armenja bil-għan li twaqqaf ir-reliġjon Nisranija milli tkompli tinfirex. Tista’ għalhekk tinftiehem bħala xewqa għal aktar indipendenza id-deċiżjoni tal-Knisja u l-Istat Armen li f’nofs il-ħames seklu iddeċieda li jinfired mill-kumplament tal-Knisja Universali fil-Konċilju ta’ Kalċedonja. Meta fiż-żminijiet tan-Nofs l-Islam beda jiddomina l-Lvant Nofsani, l-Armeni ġew fuq il-fruntiera tal-Imperu Ruman tal-Lvant. Huwa donnu d-destin ta’ dan il-poplu li jeżisti fuq il-fruntieri ta’ stati u Imperi akbar minnu.
Fis-seklu 11 u 12 l-artijiet ta’ l-Armeni bdew jiġu okkupati mit-Torok u l-Kurdi u l-Armeni bdew iħallu arthom u jemigraw lejn il-Lvant nofsani kollu. Kien hawn li huma ġew f’kuntatt mall-kruċjati. Minn żmien għal żmien xi komunitajiet bdew jidħlu f’għaqda ma’ Ruma u sal-lum jeżistu komunitajiet importanti bħall-kunvent Mektarista ta’ Venezja u l-Patrijarkat Armen Kattoliku taċ-Ċiliċja li jinsabu f’għaqda ma’ Ruma, minkejja l-fatt li l-maġġoranza tal-Armeni jinsabu fil-Knisja Appostolika Armena. Dan il-poplu bata ħafna, kienet ir-rabta li kellhom mal-fidi Nisranija u l-ħila tagħhom fil-kummerċ li salvathom milli jinqerdu kompletament u jżommu l-identità tagħhom.
Forsi l-agħar perjodu kien fl-ewwel Gwerra Dinjija meta fl-Imperu Tork seħħew numru ta’ massakri li fihom, kif jistmaw xi uħud, mietu mal-miljun u nofs Armen bejn irġiel, nisa u tfal. Parti mill-Armenja (illum il-Lvant tat-Turkija) tbattlet mill-popolazzjoni u fadal biss xi traċċi bħal fdalijiet ta’ knejjes u rħula. Sal-lum fit-Turkija huwa ipprojbit li ssir diskussjoni dwar dawn il-ġrajjiet koroh (attwalment hemm numru ta’ intellettwali Torok li jinsabu fil-qrati taħt akkuża li qed jagħmlu ħsara lil pajjiżhom sempliċiment għaliex semmew f’xogħolhom dawn il-ġrajjiet).
Parti mill-Armenja saret parti mill-Unjoni Sovjetika u wara l-1991 ħadet l-Indipendenza għalkemm sal-lum tinsab fi stat ta’ gwerra mal-Ażerbajġan f’kunflitt li għandu l-għeruq tiegħu fil-politika li kellha l-Unjoni Sovjetika li żżomm l-istati membri f’rivalità, u taħt imblokk ekonomiku mit-Turkija. Iżda kif rajna din ir-realtà ta’ kunflitt hija xi ħaġa komuni fl-Istorja ta’ dan il-poplu.
