L-Erbgħa
QARI I
In-nies ta’ Ninwè reġgħu lura minn triqthom il-ħażina.
Ġona 3:1-10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġona
F’dak iż-żmien, il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona u qallu: “Qum, mur f’Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ngħidlek jien”. U Ġona qam u mar f’Ninwè kif qallu l-Mulej. Issa Ninwè kienet belt kbira għall-aħħar, trid tlitt ijiem biex timxiha.
Ġona, kif daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: “Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!”. In-nies ta’ Ninwè emmnu f’Alla, nedew sawma u libsu x-xkejjer, mill-kbir saż-żgħir. L-aħbar waslet għand is-sultan ta’ Ninwè, u qam minn fuq it-tron tiegħu, neħħa minn fuqu l-mantell tiegħu, inkesa bi xkora, u ntasab fuq l-irmied.
U ħarġu jxandru u jgħidu f’Ninwè: “B’digriet tas-sultan u tal-kbarat tiegħu: La nies, la annimali, la bhejjem u lanqas merħliet, ħadd m’għandu jduq xejn, u la jirgħu u lanqas jixorbu ilma. U jinksew bi xkejjer. Kemm il-bnedmin u kemm l-annimali jgħajtu b’qawwa lejn Alla, u kull wieħed jerġa’ lura minn triqtu l-ħażina u mill-ħsara li għamel b’idejh. Min jaf jekk Alla jibdilux u jisgħobx bih, u jdur mill-korla mixgħula tiegħu, u aħna ma nintilfux!”.
U Alla ra x’għamlu, kif reġgħu lura minn triqthom il-ħażina. U Alla raġa’ bdielu mid-deni li qal li kien se jagħmlilhom, u ma għamlux.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 50(51):3-4,12-13,18-19
R/. (19b): Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.
Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.
Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.
Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju;
noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.
Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;
qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġoel 2:12-13
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,
għax jien twajjeb u ħanin.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
EVANĠELJU
Ebda sinjal ma jingħata lil dan in-nisel ħlief is-sinjal ta’ Ġona.
Lq 11:29-32
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa
Meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona. Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel. F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-Nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf tal-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun! F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.