L-Imperatur Valerjanu għadu magħna

Minn Patri Juan de Bono ocd

Patri Juan de Bono ocd

L-Imperu Ruman, li tant kien qawwi u mifrux għal mijiet ta’ snin, spiċċa bħalma spiċcaw ‘Imperi’ oħra li tant kienu jkexkxu lil popli li kienu jaħkmu matul iż-żmien. Jidher ċar li jekk kwalsijasi organiżażjoni umana jew (saħansitra) ‘spiritwali’ ma jkollhiex il-pedament mibni fuq il-blat, meta jaħbat il-maltemp, kollox jitkaxkar mal-kurrent, u jispiċċa jintemm f’qiegħ ta’ baħar fond.  

Ħekk ġralu l-Imperu Ruman u reġimi oħra matul is-sekli, u hekk se jiġrilha ma ddumx din is-soċjeta’ ‘moderna’, li bħall-Imperatur Ruman Valerjanu (li taħtu rċevew il-martirju fost l-oħrajn San Lawrenz, il-Papa Sistu IV, l-erbgħa Djakni tiegħu u l-isqof ta’ Kartaġini, Ċiprijanu), qiegħda dejjem aktar tqiegħed lilha nnifisha fil-post ta’ Alla.

L-Imperatur Valerjanu

Ukoll jekk fi żmien li dam Imperatur Valerjanu (253-260), il-persekuzjoni lill-Insara ma kienetx kiefra daqs dik imwettqa minn Imperaturi Rumani oħra qablu jew warajh, dan l-Imperatur xorta waħda jibqa’ magħruf fl-istorja għal krudelta’ tiegħu. Kien il-Ministru tal-Finanzi tiegħu Makrianu, li mbutta lill-Imperatur biex jikkunbatti lil Knisja, u l-aktar lil-Ġerarkija tagħha, bl-għan li jisirqilha l-ġid materjali li kellha.

Filwaqt li xi wħud kienu jibżgħu mill-Imperatur u kienu jispiċċaw jaħarqu l-inċens quddiem ix-xbieha tiegħu, imma dawk l-insara li kienu jkunu ‘niżżlu l-għeruq tagħhom fi Kristu’, ma kienu jaslu qatt li jiġu mjassra mil-ġdid ‘b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ’, lanqas jekk ikunu ġejjin mil-Imperatur innifsu. 

Xewqa antika daqs kemm hu antik il-bniedem

Din ix-xewqa ta’ xi Imperaturi Rumani, li jikkunsidraw lilhom infushom ‘allat’, xewqa tant komuni fi żminijietna, hu sentiment li ilu jeżisti f’qalb il-bniedem sal mil-bidu tal-ħolqien, tant li d-demonji għafas proprju dik il-buttuna biex irnexxili jieħu pussess fuq il-bniedem. Huwa fesfes f’widnejn Eva, li kien hemm mod kif hija setgħet issir ‘alla’, u li ġaladarba tissupera dik il-barriera, kollox kien se jispiċċa jiddependi minnha, u kollox u kulħadd kien se jaqa’ għarkuptejh f’riġlejha. Ukoll Adam bela’ l-istess sunnara, u warajhom ħafna u ħafna oħrajn.

Tliet gidbiet użati mid-demonju biex jippenetra l-bniedem

Kuntrarjament għal dak li pprova jagħti x’jifhem is-serp, Alla qatt ma ċaħħad lil bniedem milli jiekol mis-siġar tal-ġnien. Fil-fatt “mis-siġar kollha tal-ġnien tista’ tiekol” kien qalilhom, “imma mis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tiekolx minnha, għax dakinhar li tiekol minnha żgur li tmut” (Ġen 2, 16 b-17).

Id-demonju bena t-Teżi tiegħu fuq tliet gidbiet:

1): ‘Tassew li Alla qalilkom: la tieklux mis-siġar tal-ġnien’;

2): ‘Le żgur ma tmutux’;

3): ‘Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnjejkom u ssiru bħal allat’.

Għaddew eluf ta’ snin u d-demonju mhux talli ma biddilx l-istrateġija tiegħu biex jippenetra l-qalb tal-bniedem, talli llum qiegħed ikollu riżultati positivi aktar milli kellu sa biss għexieren ta’ snin ilu.

Int ‘alla’ u int għalhekk għandek tkun is-sid ta’ ħajtek u ta’ għemilek

Grazzi għax-xjenza u għall-iskoperti ġodda li l-bniedem ‘modern’ irnexxielu jagħmel matul is-snin, spiċċajna biex aktar qegħdin nimlew rasna li oramai ma għandniex aktar bżonn ta’ Alla. Dan rajnieh ċar waqt il-pandemija, fejn kuntrarjament għal dak li kien jiġri fil-passat f’ċirkostanzi simili, il-knejjes kellhom jibqgħu magħluqa u flok dorna lejn Alla poġġejna l-fiduċja tagħna kollha kemm hi fuq il-vaċċin. Ħanut tal-pastizzi spiċċa aktar essenzjali għal bniedem ‘modern’, milli knisja miftuħa għaċ-ċelebrazjoni Ewkaristika.

Jiena r-riga ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin

Għal bosta fostna, Alla m’għadux ir-riga li tintuża biex tiġi evalwata jekk azzjoni hijiex tajba jew le. Jekk azzjoni hija tajba għalija, trid issir tajba għal kulħadd.

Mhux aktar per eżempju x’inhu l-aħjar għat-tarbija mnissla fil-ġuf, imma x’jgħodd għalija li ma kontx qiegħed ‘nippjana’ din it-tqala. Mhux aktar x’inhu l-aħjar għal-anzjan, imma li jiena nkun nista’ ‘ngħix’ ħajti fil-liberta’. Mhux aktar jekk hiniex inkerraħ u nagħmel ħsara irreparabbli lil ambjent bl-azjonijiet tiegħi, imma kemm nista’ nagħmel flus minn dik il-biċċa negozju, jew minn dik il-biċċa art. Mhux kemm iridu jistinkaw il-ħaddiema biex iħallsu l-kera li jiena li għandi propjeta’ qiegħed nitlob, imma x’inhi l-prezz tas-suq. X’jinteressana li l-prezz tal-proprjeta’ għal uliedna sploda fi ftit snin. Mhux aktar kemm se niġġenera traffiku jekk noħroġ bil-karozza privata tiegħi, imma kif l-aktar u l-aħjar li nkun komndi aħna. Mhux aktar toroq mibnija fejn il-prijorita’ tingħata lil min juża t-trasport pubbliku, ir-rota, l-iscooter jew mutur (li fl-aħħar mill-aħħar qegħdin isolvu l-problema tat-traffiku), imma toroq iddisinjati biex jakkomodaw aktar traffiku.

Ġaladarba huwa jiena l-metru li miegħu irrid inkejjel x’deċiżjonijiet għandhom jittieħdu jew le, xi bżonn hemm aktar li mmur il-Quddies? li mmur inqerr? li nimxi mal-liġi morali?

Id-drittijiet tal-persuna li jirbħu fuq id-drittijiet kolletivi tas-soċjeta’. La jaqbel għalija, irid ikun jaqbel għal kulħadd u kulħadd irid ibaxxi rasu. Narċisiżmu li sar tratt karatterjali predominanti fis-soċjeta’ moderna.

Valerjanu kien ikkunsidrat ‘miġnun’ minn bosta madwaru

Filwaqt li fi żmien l-Imperatur Valerjanu, bosta kienu jikkunsidrawh miġnun, illum jiġu kkunsidrati ‘mġienen’ min iħenn għal proxxmu, min jingħata għall-oħrajn jew min jagħmel xogħol volontarju. Qegħdin ngħixu f’soċjeta li tistenna li ssib saċerdot ħdejn is-sodda tal-qarib tagħhom li jkun qiegħed imut, imma li l-hena tagħhom li jittimbraw lis-saċerdoti jew lir-reliġjużi b’labels xejn pjaċevoli, basta nakkumulaw il-‘likes’ fuq fb.

Alla hu tassew is-Sid u aħna msejħin biex inżommuH ta’ Ħallieq, kif tassew Hu

Ftit taż-żmien ilu ltqajt ma koppja li wara sebgħa miscarrieges, kellhom tarbija. Minn kollox qalulhom it-tobba u l-ispeċjalisti, u mhux inqas il-familarji tagħhom, kliem li tassew ferihom profondament bħala koppja, imma din il-koppja f’ċertu stadju ma baqgħux ifittxi l-għajnuna medika u ntelqu f’idejn Alla, u malajr Alla wriehom min hu tassew il-veru Sid tal-Ħolqien. Meta nintelqgħu f’idejH, jekk ma nirċevux ‘soluzjoni’ għal għajta tagħna, insibu qalb li tisma u tagħder, dirgħajn li jwieżnu.

Il-bniedem għandu għal bnedmin sħabu frosta kiefra. Alla imma għandu dejjem dirgħajn miftuħa għal kull qalb li tgħajjat ‘ajma’. Għalhekk ma’ San Ġorġ Preca ngħajtu: ‘Sinjur jiena għandi bżonnok’.

Int lanqas xagħra waħda ma int kapaċi minn bajda tbiddilha f’sewda (Mt 5, 36)

Il-bniedem mhux biss ma jista’ qatt ikun hu l-Ħallieq, talli bħalma kien tant tajjeb jispjega San Ġorġ Preca, imqar barma li tqajmek f’nofs ta’ lejl, suppost twasslek biex tifhem kemm int tassew tiddependi minn Esseri li huwa Superjuri għalik.

Illum nintebħu kemm it-tentazjoni oriġinali li nsibu fit-tielet kapitlu tal-ktieb tal-Ġenesi tibqa’ t-tentazjoni prinċipali li jkompli juża d-demonju matul iż-żminijiet biex jirbaħ erwieħ għalih u jbiegħedhom minn Alla. 

Bħal Kristu

Ġesu’ jurina li mad-demonju lanqas tisma’ x’qiegħed igħidlek ma għandek, aħseb u ara tipprova tiddjaloga miegħu meta jkun qiegħed jipprova jaqbdek bil-lixka qattiela tiegħu. Ir-rabta trid tkun ma’ Alla u mal-Kelma tiegħU, u meta d-demonju jiġi biex jipprova jilgħabek, jekk tkun ankrat fi Kristu u fil-Kelma tiegħU tispiċċa tilgħabu int fil-mument li tinjorah. Jekk imbagħad żżomm lil Marija bħala l-Avukata tiegħek, m’hemmx dubbju li l-kawża tkun ġa intrebħet qabel ma int ikollok għalfejn titla’ fuq il-pedana tax-xhieda, u x-xitan lanqas biss jipprova jkompli jittentat, għax malli tidħol Marija, huwa jaħrab ‘l hemm. Marija qiegħdha takkumpanjana waqt dan il-mument fl-istorja fejn il-bniedem qiegħed iħossu li hu ‘alla’.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading