Il-Papa jbierek il-150 Pellegrinaġġ Nazzjonali tal-Assunta għal Lourdes

“Ejja nduru b’determinazzjoni lejn l-Omm Imqaddsa, peress li hi Ommna u aħna wliedha!”

Il-Papa Franġisku ta din l-eżortazzjoni hekk kif esprima l-qrubija tiegħu lejn il-madwar għoxrin elf ruħ minn Franza kollha u minn madwar id-dinja, li nġabru fis-Santwarju Marjan tal-Madonna ta’ Lourdes għall-Festa ta’ Santa Marija,  hekk kif din is-sena, immarka l-150 anniversarju mill-pellegrinaġġ nazzjonali.

“Ningħaqad magħkom fit-talba ħerqana tagħkom ta’ supplika u gratitudni lil Ommna l-maħbuba, speċjalment f’din il-festa tal-15 ta’ Awwissu.”

Il-Papa esprima l-ferħ tiegħu li jara lill-fidili jżommu din it-tradizzjoni twila ta’ qima u devozzjoni, filwaqt li jinnota li ħafna mill-fidili, f’Lourdes, u fil-katidrali u l-parroċċi ta’ Franza, “qed jitolbu lill-Madonna bl-akbar fiduċja filjali, fiduċja li qatt ma tiddiżappunta”.

Il-Qdusija Tiegħu ħeġġeġ lir-rgħajja “biex irawmu u jsaħħu kontinwament l-imħabba u t-tenerezza li l-fidili jħossu lejn il-Patruna għażiża tagħhom, b’mod partikolari billi jużaw jew jiskopru mill-ġdid atti ta’ devozzjoni popolari”. Pereżempju, huwa faħħar “il-purċissjonijiet sbieħ fil-15 ta’ Awwissu, tradizzjoni f’pajjiżkom għal kważi erba’ mitt sena”. “Iktar minn qatt qabel, id-dinja, u b’mod partikolari Franza, li solennement ġiet ikkonsagrata lilha – konsagrazzjoni li ma tistax titneħħa – teħtieġ il-protezzjoni ta’ Marija quddiem id-diffikultajiet, it-tħassib u l-isfidi tal-lum,” qal.

Il-Papa talab biex Marija, r-Reġina tal-Paċi, tinterċedi ma’ Binha biex “tistabbilixxi l-paċi tant mixtieqa kull fejn jisntema’ l-istorbju tal-armamenti”. Sejjħilha “biex tqajjem” fi qlub kulħadd “sentimenti ġenwini ta’ mħabba fraterna, biex is-soċjetajiet jikbru b’mod armonjuż fir-rispett lejn l-oħrajn, iħarsu d-dinjità u d-drittijiet tagħhom, u ħalli ħadd ma jitħalla fil-ġenb”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika talab ukoll biex Omm Ġesú tipproteġi “b’mod speċjali” lill-familji. Fakkar b’mod speċifiku “fil-ġenituri li jġorru b’responsabbiltà kbira, l-piż ta’ kuljum,” u fiż-żgħażagħ, “li huma sinjuri fil-potenzjal, iżda ħafna drabi inkwetati dwar il-futur tagħhom, jew sfortunatament diġa’ mfixkla minn ħafna restrizzjonijiet”.

Imbagħad il-Papa dawwar ħsibijietu fuq l-anzjani, li qal huma “sinjuri fl-esperjenza u fl-għerf tagħhom” iżda huma “ta’ spiss abbandunati u traskurati”. F’dan il-kuntest, il-Papa Franġisku talab lill-Verġni Marija biex tfarraġ lil dawk kollha li qed ibatu, li huma morda, waħedhom, emarġinati jew eżiljati.

B’mod speċjali, l-Papa offra l-qrubija tiegħu mal-morda u l-persuni b’diżabilità kollha preżenti, filwaqt li fakkar fl-għadd kbir li jivvjaġġaw lejn Lourdes biex ifittxu l-faraġ ta’ Marija. Qal, li huma, flimkien ma’ dawk li jakkumpanjawhom, “jagħtu lid-dinja xhieda elokwenti ta’ fidi u ta’ karità”.

Il-Papa Franġisku temm billi ħeġġeġ lill-pellegrini biex iħallu l-fidi tagħhom tipproduċi fihom “tama bla waqfien”, li fuqha jridu jibnu ħajjithom u s-soċjetajiet tagħhom, u billi jagħtu, “b’ferħ kbir”. Huwa ta l-barka tiegħu fuq kull wieħed miġbur f’Lourdes, u lil fidili kollha ta’ Franza u r-rgħajja tagħhom.   

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-08/pope-francis-offers-closeness-to-lourdes-faithful-for-assumption.html

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading