QARI I
Qalb waħda u ruħ waħda.
Atti 4:32-37
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien. B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna. Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox skond il-ħtieġa ta’ kull wieħed. Hekk għamel il-levita Ġużeppi, minn Ċipru, li l-appostli kienu jsejħulu Barnaba, jiġifieri “bin il-faraġ”; dan kellu għalqa, biegħha, u l-flus li daħħal minnha mar iqegħedhom f’riġlejn l-appostli.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 92(93):1ab,1c-2,5
R/. (1a): Il-Mulej isaltan; il-kobor libes.
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Il-Mulej isaltan; il-kobor libes,
libes il-Mulej u tħażżem bil-qawwa. R/.
Iżomm sħiħa d-dinja; qatt ma titħarrek.
Imwaqqaf it-tron tiegħek fis-sod minn dejjem;
minn dejjem ta’ dejjem int. R/.
Il-kmandamenti tiegħek ta’ min joqgħod fuqhom;
qdusija lil darek tixraq, Mulej,
sakemm itul iż-żmien. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 3:15
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Ħadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema.
Ġw 3:7b-15
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “La tistagħġibx jekk jiena għedtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid. Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tisma’ ħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu”. “Kif qatt jista’ jkun dan?”, raġa’ qallu Nikodemu. U Ġesù qallu: “Inti mgħallem f’Iżrael u dan ma tafux? Tassew tassew ngħidlek li aħna qegħdin nitħaddtu fuq dak li nafu, u qegħdin nagħtu xhieda ta’ dak li rajna, imma x-xhieda tagħna ma tilqgħuhiex. Jekk intom ma temmnux meta nitkellem magħkom fuq il-ħwejjeġ tal-art, kif sejrin temmnu meta nkellimkom fuq il-ħwejjeġ tas-sema? Ħadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema. U kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.