Qari tal-Ħamis tat-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

QARI I
Imma intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li sejħilkom.
1 Piet 2, 2-5.9-12

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Għeżież, bħal trabi tat-twelid, ixxennqu għall-ħalib safi, il-ħalib tar-ruħ, biex bih tikbru sa ma taslu għas-salvazzjoni, jekk intom tabilħaqq doqtu kemm hu tajjeb il-Mulej. Ersqu, mela, lejh, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ’l Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.

Imma intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb. Intom li darba ma kontux poplu, issa sirtu l-poplu ta’ Alla; intom li darba ma kontux issibu ħniena, issa sibtu l-ħniena tiegħu.

Ħuti għeżież, nitlobkom biex bħala barranin u għorba tiċċaħħdu mix-xewqat tal-ġisem li jitqabdu kontra r-ruħ. Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-żjara tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 99 (100), 2.3.4.5

R/. (2ċ): Idħlu quddiemu b’għana ferrieħi

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,
aqdu bil-ferħ lill-Mulej,
idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

Kunu afu li Jaħweh hu Alla,
hu ħalaqna, u aħna tiegħu,
aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

Idħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tiegħu,
bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
roddulu ħajr u bierku ismu! R/.

Għax twajjeb il-Mulej,
għal dejjem it-tieba tiegħu;
minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 8,12

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej:
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Li nerġa’ nara, Rabbuni!
Mk 10, 46-52

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”. Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.

Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu!” Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek!”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?” “Li nerġa’ nara, Rabbuni!” wieġbu l-agħma. Qallu Ġesù: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: