QARI I
Intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa bid-demm għażiż ta’ Kristu, ħaruf bla għajb u bla tebgħa.
1 Piet 1, 18-25
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, kunu afu li intom kontu mifdija mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa. Hu kien ippredestinat sa minn qabel ma saret id-dinja, imma deher fl-aħħar taż-żminijiet minħabba fikom. Bih intom temmnu f’Alla, li qajmu mill-imwiet u tah il-glorja; hekk il-fidi tagħkom hi wkoll tama f’Alla.
Intom naddaftu rwieħkom billi qgħadtu għall-kelma tal-verità biex ikollkom l-imħabba sinċiera tal-aħwa; ħobbu ’l xulxin b’qalbkom kollha u bil-qawwa kollha. Ma twelidtux mill-ġdid minn nisel li jitħassar, imma minn nisel li ma jitħassarx, bis-saħħa tal-kelma ta’ Alla li tgħix u tibqa’ għal dejjem. Għax kull bniedem hu bħal ħaxix, u l-glorja tiegħu kollha bħal ward ir-raba’; il-ħaxix jinxef u l-ward jaqa’, imma l-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. Din hi l-kelma tal-Evanġelju li kien imxandar lilkom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 147, 12-13.14-15.19-20
R/. (12a): Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej
Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;
faħħar ’l Alla tiegħek, Sijon!
Hu jsaħħaħ l-istaneg ta’ bwiebek,
u jbierek ġewwa fik ’l uliedek. R/.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu. R/.
Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 10, 45
Hallelujah. R/. Hallelujah
Bin il-bniedem ġie biex jaqdi
u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba.
Mk 10, 32-45
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, id-dixxipli kienu mexjin fit-triq, telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom; u huma kienu mgħaġġbin, u l-oħrajn li kienu mexjin warajhom kienu mbeżżgħin. Raġa’ sejjaħ it-Tnax ħdejh, u beda jgħidilhom x’kien se jgħaddi minn għalih: “Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, li jaqtgħuhielu għall-mewt u jerħuh f’idejn il-pagani; dawn imbagħad jiddieħku bih, jobżqulu fuqu, jagħtuh is-swat u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”.
Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. “Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.
L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu