Il-Papa Franġisku qiegħed jaġġorna dokument importanti dwar il-kriżi ambjentali dinjija.

Print Friendly, PDF & Email

Skont artiklu pubblikat mill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters nhar il-21 ta’ Awwissu 2023, il-Papa Frangisku ħabbar li kien qed jikteb aġġornament għall-enċiklika importanti tiegħu Laudato Si (miktuba fl-2015).

Huwa għamel din it-tħabbira b’sorpriża waqt li kien qed ikellem grupp ta’ avukati minn pajjiżi tal-Kunsill Ewropew.

Fl-2015, il-Papa Frangisku kiteb l-enċiklika Laudato Si, dokument ewlieni dwar il-ħtieġa li nħarsu l-ambjent, u fiha jitkellem dwar il-perikli u l-isfidi tat-tibdil fil-klima u li għandna nnaqqsu l-użu tal-fossil fuels. Enċiklika hija l-ogħla forma ta’ kitba minn Papa.

Il-Papa ġie kkwotat li qal: “Qed nikteb din it-tieni parti ta’ Laudato Si biex l-enċiklika tkun aġġornata mal-problemi attwali.”

L-enċiklika Laudato Si għamlet lill-Papa Franġisku eroj għal ħafna attivisti ambjentali, u jidher li ħalliet impatt fuq deċiżjonijiet li ttieħdu aktar tard dik is-sena waqt il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima li saret ġewwa Pariġi fejn ġew stabbiliti miri biex jillimitaw it-tisħin globali.

Fil-kummenti tiegħu l-Papa ma ċċarax x’forma se jieħu dan l-aġġornament ta’ Laudato Si, meta se jkun ippubblikat jew kif se jelabora fuq it-test oriġinali.

Fit-tmien snin minn meta ġiet ippubblikata l-enċiklika Laudato Si id-dinja rat żieda qawwija f’episodji ta’ temp estrem bħalma huma mewġiet ta’ sħana iktar qawwija u iktar fit-tul, nirien, maltempati ta’ xita u silġ qawwija li jinżlu f’ħin qasir u urugani qliel.

%d