Bejn l-4 u 29 ta’ Ottubru 2023, f’Ruma ser ikun hemm is-16-il Assemblea Ġeneral Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, preseduta mill-Papa Franġisku nnifsu u li fiha l-Arċisqof Charles J. Scicluna li ser ikun qed jirrapreżenta l-Konferenza Episkopali Maltija.

Fortunatment, fl-aħħar xhur, forsi snin ukoll, f’ċerti oqsma tal-ħajja tal-Knisja, il-kelma sinodu bdejna nisimgħuha aktar ta’ spiss, għalkemm fl-istess waqt hija sfortuna li saħansita f’dawn l-oqsma nfushom għad m’hemmx idea ċara biżżejjed ta’ x’inhuwa dan is-sinodu. Aktar u aktar m’hemmx ħjiel ta’ xi tfisser il-kelma, sinodalità.
Qabel kull sinodu hemm is-sinodalità. Jekk ma jkunx hemm sinodalità, is-sinodu jkun sar għalxejn. Jekk ma jwassalx għal aktar sinodalità, ikun aħjar li s-sinodu ma jsir xejn.