Il-Ġublew u l-Kelma ta’ Alla

Il-Kostituzzjoni Dommatika,  Dei Verbum

Sa mill-oriġini tiegħu fl-istorja tal-Knisja, il-ġublew minn dejjem kien ċelebrazzjoni ta’ Sena Mqadssa li tfakkar l-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla.  Kemm meta kien ikun ċċelebrat kull mitt sena, kemm jekk kull ħamsin u kemm fi żmienna kull ħamsa u għoxrin sena, il-ġublew hu dejjem tfakkira ħajja tal-ġrajja straordinarja meta l-Iben ta’ Alla sar wieħed minna.  “U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu.” (Ġw:1:14)

Għalhekk kif nistgħu, aħna llum niċċelbraw tassew l-fatt storiku tal-Kelma ta’ Alla li saret laħam, bla ma jkollna fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu l-Kelma ta’ Alla nfisha – id-Dei Verbum?

Waħda mill-Kostituzzjonijiet tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u li l-Papa Franġisku jissuġġeriha bħala għajnuna fit-tħejjijiet tagħna għall-Ġublew 2025: Pellegrini tat-Tama hija propju, id-Dei Verbum dwar il-Kelma ta’ Alla.  Fiha naqraw:

“Filwaqt li jimxi fuq il-passi tal-Konċilji ta’ Trentu u tal-Konċilju Vatikan I dan il-Konċilju Mqaddes fi ħsiebu juri t-tagħlim ġenwin dwar ir-rivelazzjoni divina u kif din għaddiet fiż-żmien, biex permezz tal-aħbar tas-salvazzjoni, id-dinja kollha, meta tisma’ temmen, meta temmen tittama u meta tittama tħobb.” (Par 1)

Iva, kif affermaw l-isqfijiet infushom fil-Konċilju Ekumeniku ta’ sittin sena ilu, huwa meta biss tisma’ l-aħbar it-tajba tas-salvazzjoni li d-dinja kollha tista’ temmen, biex meta temmen tibda tittama, u meta tittama tibda tħobb.

Forsi dan mhux programm biżżejjed għalina bħala tħejjija għall-Ġublew 2025: Pellegrina tat-Tama?

Forsi mhux din hija t-triq li għandna quddiema għal matul il-pellegrinaġġ; li nimxuh mal-Kelma ta’ Alla, li nimxuh flimkien bejnietna, u li nimxuh b’tama qawwija f’qalbna li d-dinja wkoll titħeġġeġ minnu li timxih hija wkoll.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading