Fil-Pellegrinaġġ lejn il-Ġublew 2025

Print Friendly, PDF & Email

Il-Maġisteru riċenti dwar it-Tama

Minbarra l-erba’ kostituzzjonijiet tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, il-Papa Franġisku issuġerixxa wkoll li l-istess maġisteru ta’ dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, għandu jkompli jorjentana u jdawwalna fit-tħejjija xierqa għall-Ġublew 2025: Pellegrini tat-Tama.

Il-Papa Franġisku
Immedjatament wara li kien intemm il-Ġublew straordinarju tal-Ħniena tal-2016-2017, il-Papa Franġisku kien beda mmedjatament iħejjijna għal dan il-Ġublew li jmiss b’sensiela ta’ tmienja u tletin katekeżi fuq it-Tama Nisranija.  Fihom, bi kliem sempliċi, imma tassew profond, il-papa mhux biss jwasslilna t-tagħlim tal-Knisja fuq din il-virtù, imma jurina wkoll kif il-poplu nisrani ma jistax ikun magħmul minn profeti ta’ ħwejjeġ koroh u tal-isfortuna, imma minn missjunarji tat-tama.

Il-Papa Benedittu XVI
Fil-maġisteru tal-Papa Benedittu XVI, insibu wkoll l-Enċiklika Spe Salvi, ippublikata fit-30 ta’ Novembri 2007 propju dwar it-Tama Nisranija. Fiha huwa jagħmel dawn iż-żewġ domandi, “X’inhi din it-tama, li tista’ tiġġustifika l-istqarrija li tgħid li minnha, u sempliċement għax hemm hi, aħna nfdejna? U liema tip ta’ ċertezza hija din?”

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II
Kuntrarjament għaż-żewġ papiet ta’ warajh, il-Papa Ġwanni Pawlu II la kiteb enċikliċi jew eżortazzjonijet dwar it-tama u lanqas ta sensiliet ta’ katekeżi fuq dan is-suġġett, imma bi kliemu u b’ħajtu huwa kien jikkomunika kontinwament it-tama. Hekk  stqarr il-kollaboratur u suċċessur tiegħu Benedittu XVI f’omelija li kien għamel fir-raba anniversarju mill-mewt tal-papa Wojtyla. “Ġwanni Pawlu II rnexxielu jikkomunika l-qawwa tat-tama li kellu u li kienet imsejsa fuq il-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu”.

It-titolu ta’ żewġ kotba famużi ppublikati, wieħed minn Vittorio Messori b’intervista li kellu mal-kbir Ġwanni Pawlu II u l-ieħor minn George Weigel, bil-bijografija tal-istess papa, jixhdu kemm it-tama kbira li kellu fih dan il-papa Pollakk kienet il-messaġġ ċentrali tiegħu; tal-ewwel, Crossing the Threshold of Hope – Immorru ‘l hemm mill-għatba tat-Tama, u t-tieni wieħed,  Witness to Hope – Xhud għat-Tama.

Il-Papa Ġwanni Pawlu I
Il-pontifikat tal-Papa Luciani, Ġwanni Pawlu I, kien wieħed qasir ħafna, sempliċiment tlieta u tletin ġurnata. Imma fost l-erba’ katekeżijiet li laħaq ta, it-tielet waħda kienet propju dwar it-tama.  Fiha fakkar li l-kompitu tal-Knisja li twassal it-tama, mhux mibni biss fuq id-divinizzazzjoni imma wkoll fuq l-umanizzazzjoni.

Il-Pellegrinaġġ tat-Tama jrid jibda minn hawn.

Aktar fuq il-Ġublew 2025: Pellegrini tat-Tama … https://laikos.org/g2025/

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading