Is-sistema Devadasi tieħu tfajliet, ħafna drabi qabel ma jilħqu l-pubertà, biex iżżewġuhom lil xi alla permezz ta’ ritwal. Wara dawn il-bniet jaġixxu bħala servituri tat-tempju u jkunu kkunsidrati ineliġibbli biex qatt jiżżewġu raġel. Irġiel mir-raħal iżuruhom u joffrulhom sarijiet, flus jew prodotti tal-merċa bi skambju għal-lejl magħhom.

Matul ix-xahar ta’ Novembru tista’ taqra aktar dwar dawn it-tfajliet Indjani fl-editorjal tal-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta.
F’dan il-magażin, li joħroġ darba fix-xahar, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob.
Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun se jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin. Wieħed mill-artikli, permezz ta’ intervista, ilaqqana mal-Arċisqof Emeritu Ġorġ Frendo li ħadem għal snin twal mal-foqra Albaniżi. F’artiklu ieħor naqraw kif bis-saħħa ta’ benefattur li għoġbu jisponsorja lil Elvis Boya, dan beda jattendi l-iskola f’età kbira u se jkompli bl-istudji tiegħu biex jilħaq tabib.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.
