Il-Ħamis, 2 ta’ Novembru, l-Papa Franġisku ċċelebra Quddiesa għal Jum l-Erwieħ Kollha fiċ-Ċimiterju Militari ta’ Ruma. Fl-omelija tiegħu, l-Papa fakkar f’dak li marru qabilna, b’mod partikolari dawk li ħajjithom intemet ‘f’qasir il-għomor’, bil-gwerra.
“Ċelebrazzjoni bħal-lum,” qal il-Papa Franġisku, “ġġib magħha żewġ ħsibijiet: memorja u tama”. Jum l-Erwieħ Kollha, qal, ifakkar “in-nies li marru qabilna”, kemm “dawk li għamlu l-ġid” kif ukoll “dawk li ma tantx għamlu ġid, imma… ġew milqugħa fil-ħniena t’Alla”. Fl-istess ħin, issuġġerixxa l-Papa Franġisku, l-Kommemorazzjoni tfakkar “it-tama, li hija memorja li tħares ‘il quddiem”. Nittamaw, qal, għal laqgħa futura fis-Saltna t’Alla “ma’ kulħadd”, qaddisin u midinbin bl-istess mod.
Il-Qdusija Tiegħu mbagħad irrifletta fuq l-oqbra tas-suldati midfuna fil-qrib. “Nixtieq nitkellem fuq xi ħaġa li ġratli fid-daħla taċ-ċimiterju”, qal. “Kont qed inħares lejn l-età ta’ dawn is-suldati li mietu. L-maġġoranza tilfu ħajjithom bejn l-20 u 30 sena. Ħajjiet mitmuma qasir il-għomor, ħajjiet mingħajr futur, hawn”. “Ħsibt fil-ġenituri”, kompla l-Papa Franġisku, “l-ommijiet li rċevew dik l-ittra: ‘Sinjura, għandi l-unur li ninfurmak li ibnek huwa eroj’. ‘Iva, eroj, imma ħaduh minni”. “Tant dmugħ f’dawn il-ħajjiet mitmuma f’età żgħira”.
Waqt li ħares lejn dawn l-oqbra, l-Papa qal “Ma nistax ma naħsibx fil-gwerer tal-lum”. Hemm, qal, “tant imwiet”. “Il-ħajja tinqered mingħajr ebda għarfien”. B’eku ta’ appell kif dejjem għamel b’mod konsistenti matul dawn l-aħħar xhur, il-Papa Franġisku qal, “Il-gwerer huma dejjem telfa. Dejjem”.
“Ejjew nitolbu lill-Mulej għall-mejtin tagħna,” ħeġġeġ, “għal kulħadd. Jalla l-Mulej jilqagħhom kollha.” “U l-Mulej ikollu ħniena minna u jagħtina t-tama; nittamaw li nistgħu nkomplu u nkunu miegħu meta jsejħilna”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-francis-all-souls-day-lives-cut-short-war.html