Il-Cantico delle Creature huwa bla dubbju t-talba ta’ san Franġisk l-aktar magħrufa. Huwa l-għanja li Franisġku kitibha fi tliet mumenti differenti. L-ewwel parti meta kien marid f’San Damiano fl-1225. It-tieni parti, dwar dawk li jaħfru, meta Frangisku ġieb il-paċi bejn l-Isqof u l-Mexxej tal-belt ta’ Assisi. L-aħħar parti nkitbet fil-Porzjuncola ftit qabel miet f’Ottubru ta’ 1226.
L-Aktar għoli, Mulej twajjeb, li tista’ kollox
tiegħek is-sebħ, il-glorja u l-ġieħ u kull barka.
Lilek biss, l-Aktar għoli, jixirqu
u l-ebda bniedem mhu denn imqar ilissen.
Tifħir lilek, Mulejja, għall-ħlejjaq kollha,
l-aktar oħtna x-xemx,
li twelled il-jum u biha tagħti d-dawl
u hija sbejħa u tgħammex b’dija sfiqa!
Tixbaħ lilek, l-Aktar Għoli.
Tkun imfaħħar,
Mulejja, f’ħuna l-qamar u l-kwiekeb,
li fis-sema sawwarthom ileqqu, għonja u sbieħ.
Tkun imfaħħar,
Mulejja, f’ħuna r-riħ,
u fl-ajru msaħħab, fil-bnazzi u f’kull xorta ta’ temp,
li bihom int tgħajjex kull maħluq.
Tkun imfaħħar,
Mulejja, f’ħuna l-ilma,
hekk meħtieġ u umli, siwi u safi.
Tkun imfaħħar,
Mulejja, f’ħuna n-nar,
li bih, int, iddawwal il-lejl,
ħu sbejjaħ u lagħbi, robust u qawwi.
Tkun imfaħħar,
Mulejja, f’oħtna u ommna l-art,
li tgħajjixna u tmexxina,
ward u ħxejjex imlewna.
Tkun imfaħħar, Mulejja,
f’min lest jaħfer għal imħabbtek,
u f’min iġarrab mard u tbatija.
Ħienja dawk jġarrbu kollox fis-sliem
għax minnek, l-Aktar Għoli, ikunu inkurunati.
Tkun imfaħħar,
Mulejja, f’oħtna l-mewt tal-ġisem,
li minnha l-ebda ħaj ma jista’ jaħrab.
Ħażin għal min imut fid-dnub il-mejjet.
Ħienja dawk li l-mewt issibhom jagħmlu r-rieda mqaddsa tiegħek,
għax il-mewt l-oħra ma tagħmlilhom l-ebda ħsara.
Faħħru u bierku, il-Mulej, u roddlu ħajr
u aqduh bl-akbar umiltà.
Maqlub għal Malti minn Fr Thomas Calleja OFMconv
Assisi: Jannar 2003