Riċerka: Il-kontribut importanti tar-reliġjużi u l-lajċi fl-iskejjel tal-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Studju dwar il-futur tal-iskejjel tal-Knisja

Minn riċerka li saret fost l‑iskejjel tal‑Knisja ħareġ li hu essenzjali li wieħed mill‑għanijiet prinċipali tal‑iskejjel kollha tal‑Knisja f’Malta u Għawdex jibqa’ li tinżamm l‑identità Nisranija, minsuġa dejjem mal‑kariżmi differenti tal‑kongregazzjonijiet. Dan filwaqt li tkompli tissaħħaħ il‑formazzjoni Nisranija li tingħata lill‑istudenti, staff, u ġenituri.

Ir‑riċerka hi l‑ewwel fażi tal‑proċess li s‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija, l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja u l‑Kunsill Superjuri Maġġuri Reliġjużi qed jagħmlu sabiex jaraw x’inhi t‑triq ’il quddiem għall‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta u Għawdex, li jaqdu mas‑17,000 student u jħaddmu iktar minn 3,000 edukatur.

Ir‑riżultati ġew preżentati lill‑Arċisqof Charles Scicluna u lill‑Isqof Anton Teuma waqt seminar li l‑għan tiegħu kien li jiddiskutu proposti ta’ azzjonijiet msejsa fuq is‑sejbiet mir‑riċerka. Dawn il‑proposti ffokaw fuq tliet oqsma: li tkun iċċarata u msaħħa l‑identità ta’ skola tal‑Knisja f’Malta u Għawdex tal-lum, il‑formazzjoni komprensiva tal‑impjegati, u t‑tisħiħ tal‑istrutturi ta’ governanza fejn meħtieġ.

Matul is‑snin, permezz tal‑ħidma tas-saċerdoti djoċesani u reliġjużi, is‑sorijiet, u lajċi, il‑Knisja kienet strumentali biex issawwar is‑settur edukattiv tal‑pajjiż. Madankollu, in‑nuqqas ta’ vokazzjonijiet għall‑ħajja kkonsagrata jew saċerdotali jesiġi li jsir investiment ikbar fil‑lajċi kemm bħala mexxejja tal‑iskejjel u anke bħala edukaturi.

Din ir‑riċerka kwalitattiva li saret minn DISCERN titfa’ wkoll dawl fuq kif minkejja l‑isfidi li ġġib magħha s-soċjetà kontemporanja, l‑iskejjel tal‑Knisja baqgħu mexjin lejn iktar inklussività, joffru edukazzjoni ħolistika, u ġeneralment joħolqu ambjent pożittiv ta’ relazzjonijiet b’saħħithom. Mill‑intervisti mal‑provinċjali tal‑ordnijiet reliġjużi, retturi, prinċipali, diretturi, u kapijiet tal‑iskejjel, ħarġu differenzi fuq kif l‑iskejjel iħarsu lejn il‑futur tagħhom, partikolarment fil‑formazjoni lill‑istaff, fit‑tfassil ta’ policies u fl‑istrutturi ta’ tmexxija.

Waqt is‑seminar, l‑Arċisqof Charles Scicluna qal li x‑xewqa tiegħu għall‑iskejjel tal‑Knisja hi li filwaqt li jkomplu jżommu saqajhom mal‑art u b’responsabbiltà kbira jaħdmu flimkien għall‑ġid tal‑komunità. “Nixtieq nitlobkom ukoll biex bil‑ħidma tagħna ninsistu biex niżviluppaw fina nfusna u f’kull membru ieħor tal‑komunità, inkluż l‑istudenti u l‑impejgati tagħna, id‑don tal‑ħsieb kritiku. Hi ħasra li qed ngħixu f’dinja fejn kontinwament niġu bbumbardjati b’tant opinjonijiet u ideat u m’għandna l‑ebda kapaċità nisimgħu, nixtarru u nagħmlu l‑aħjar għażliet.” L‑Arċisqof insista wkoll li l‑iskejjel tal‑Knisja għandhom ikomplu jnisslu fl‑istudenti r‑rieda li jkunu ta’ servizz għall‑oħrajn permezz tal‑volontarjat, mhux biss fl‑iskola iżda wkoll fil‑komunità fejn jgħixu. Awgura wkoll li l-iskejjel tal-Knisja jkomplu jiffaċilitaw il-laqgħa ta’ kull wieħed minna ma’ Ġesù Kristu.

L‑Isqof Anton Teuma qal li f’Malta u Għawdex għad hawn bżonn l‑iskejjel tal‑Knisja. Huwa sostna li proprju minħabba s‑soċjetà sekulari u multikulturali li qed ngħixu fiha, kull skola tal‑Knisja għandha tagħraf x’inhuma l‑objettivi li jiżguraw li l‑iskola tkompli tħaddan u tippromwovi l‑identità Kattolika tagħha. Dan iwassal ukoll sabiex ikun hemm formazzjoni kontinwa ta’ dawk li mistennija jkunu ta’ xhieda u jmexxu l‑missjoni tal‑Knisja.

Il‑pass li jmiss huwa li s‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija, l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja u l‑Kunsill Superjuri Maġġuri Reliġjużi jibqgħu jaħdmu flimkien biex jitfasslu pjanijiet ta’ azzjoni għall‑proposti dwar l‑identità tal‑iskejjel tal‑Knisja, il‑formazzjoni lill‑impjegati kollha u l‑istrutturi ta’ governanza tal‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta u Għawdex.

Għas‑seminar attendew il‑kapijiet tal‑iskejjel tal‑Knisja, ir‑retturi, il‑prinċipali, id‑diretturi u chairpersons tal‑bordijiet, kif ukoll id‑diriġenti tas‑Segretarjat u d‑Delegat tal‑Arċisqof għall‑Edukazzjoni Nisranija, u anke l‑provinċjali tal‑ordnijiet reliġjużi.

Ir-rapport fil-qosor dwar il-futur tal-iskejjel – Download

Sors: www.knisja.mt

Ritratt: www.knisja.mt/ritratti

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d