Il-Papa ġedded l-appell għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Gaża

Meta tkellem fi tmiem l-Udjenza Ġenerali ta’ kull nhar ta’ Erbgħa, l-Papa Franġisku mill-ġdid appella biex tintemm il-gwerra f’Gaża. “Nkompli nsegwi l-kunflitt f’Iżrael u l-Palestina b’ħafna nkwiet u wġigħ,” qal. “Inġedded is-sejħa tiegħi għal waqfien mill-ġlied umanitarju immedjat: hemm tant tbatija hemmhekk”. “Inħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex jerġgħu jibdew in-negozjati”, żied il-Papa, “u nappella lil kulħadd biex jieħu impenn urġenti biex tingħata l-għajnuna umanitarja lin-nies ta’ Gaża”.

Il-Qdusija Tiegħu ġedded ukoll l-appell tiegħu għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi kollha Iżraeljani, u qal: “Eħilsu l-ostaġġi kollha, li kienu raw it-tama fit-tregwa ta’ ftit jiem ilu, jinħelsu minnufih, biex din it-tbatija kbira għall-Iżraeljani u l-Palestinjani tkun tista’ tasal għal kollox fit-tmiem”. “Jekk jogħġobkom”, temm jgħid il-Papa, “le għall-armi, iva għall-paċi”.

Iżrael qed ikompli jimbumbardja l-Gaża, bl-enfasi issa fuq Khan Younis, in-naħa tan-nofsinhar. Kien hemm ukoll ġlied f’Rafah ħdejn il-fruntiera Eġizzjana, u f’Jenin fix-Xatt tal-Punent okkupat. Fost dan kollu, qed tikber il-pressjoni internazzjonali fuq il-kriżi umanitarja. L-President Amerikan Joe Biden qal li l-Iżrael qed jibda jitlef l-appoġġ internazzjonali minħabba l-“bumbardament indiskriminat” tiegħu f’Gaża.

L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati Palestinjani, sadanittant, tgħid li l-kumplament tal-Medda ta’ Gaża tinsab fix-xifet ta’ kollass totali tal-ordni ċivili. L-Ministeru tas-Saħħa kkontrollat mill-Ħamas f’Gaża qal li aktar minn 18-il elf ruħ inqatlu mill-bidu tal-gwerra, meta Iżrael beda jibbumbardja bil-qawwa l-Medda ta’ Gaża, wara li l-Ħamas qatel aktar minn 1,200 persuna u ħa 200 ostaġġ.  

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-12/pope-francis-israel-palestine-no-to-weapons-yes-to-peace.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading