It-Tnejn, 25 ta’ Diċembru 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pontifikal ta’ nhar il-Milied. Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria.
Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma
Għadna kif smajna lill-Profeta Iżaija fl-Ewwel Qari, imbagħad anki lil San Pawl fl-Ittra lil Titu, jgħidulna li ġej Salvatur. Iżaija qalilna: “Ara, ġej is-Salvatur tiegħek” (62:11), u San Pawl lil Titu jgħidlu: “Feġġet it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna” (3:11). Imma aħna għandna bżonn ta’ salvazzjoni? Għax jekk ma għandniex bżonn ta’ salvazzjoni, il-Milied jiġi għalxejn, u ma nfittxux li niġu salvati. Min imur għand it-tabib? Mhux se jmur min iħossu f’saħħtu, anki jekk ma jkunx. Ġieli nisimgħuha: ‘Mort għand it-tabib u ma nafx x’ma qallix, għax kont mingħalija li b’saħħti u fil-fatt ma kontx’. Ma ġiex li tiġri din? ‘Mort fuq ħaġa, u sab illi għandi l-valuri kollha tad-demm maqlubin ta’ taħt fuq!’.
Meta nħossu xi ħaġa f’ġisimna u mmorru għand tabib, dan normalment jagħmel żewġ affarijiet. L-ewwel, jagħtina l-mediċina għal dak il-ħin. Għandi rasi tuġagħni, u jgħidli: ‘Isma’, ħu l-panadol, u peress li għandek il-pressjoni għolja, għandek bżonn tieħu wkoll il-pilloli tal-pressjoni’. Imbagħad jgħidlek: ‘Isma’, qiegħed terfa’ ftit żejjed fil-piż; ħu ħsieb tikolx wisq melħ!’. U jibda jgħidlek ukoll, mhux x’għandek tagħmel dak il-ħin, imma kif tista’ matul il-bqija ta’ ħajtek, fit-tul, tiddefendi u tipproteġi s-saħħa tiegħek. Allura hemm żewġ modi ta’ kif isalvak it-tabib: l-ewwel jgħidlek x’għandek tieħu dak il-ħin, il-panadol u forsi l-pillola tal-pressjoni; imma mbagħad jagħtik ukoll terapija iktar fit-tul.
U dan nistgħu nsibuh fl-Evanġelju tal-lum (Lq 2:15-20). Kieku jkollna aħna nieqfu ftit u nirriflettu, nindunaw li tonqosna xi ħaġa, li hemm vojt fil-qalb tagħna, kollna kemm aħna, vojt li nippruvaw nimlew b’elf mod. U forsi wħud minna dan il-vojt iħossuh iktar, għax ikunu għaddejjin minn żmien iebes, ta’ diffikultà; forsi problemi ta’ mard, ta’ saħħa, ta’ solitudni, ta’ relazzjonijiet; diffikultajiet ta’ inkomprensjoni, ta’ flus, ta’ loans, ta’ xogħol, ta’ tensjonijiet, ta’ pressjonijiet. Kulħadd għandu d-diffikultajiet tiegħu, imma kultant id-diffikultajiet inħossuhom b’iktar qawwa. U l-Evanġelju tal-lum għandu żewġ terapiji għalina wkoll. Għandu l-ewwel it-terapija tal-panadol, u tal-pillola tal-pressjoni, li nistgħu issa stess nibdew ingawdu fl-istorja tal-ħajja tagħna minn din is-salvazzjoni li jagħtina Ġesù. Imbagħad hemm terapija iktar fit-tul, iktar impenjattiva, terapija li rridu neħduha bis-serjetà, biex il-ħajja tagħna tkun verament ħajja ta’ dixxipli ta’ Ġesù.
Issa l-ewwel terapija, bħal dik tat-tabib, tkun mibnija fuq il-fidi u l-fiduċja. It-tabib jagħtik dawk il-pilloli, u inti, ħafna drabi, sakemm ma tkunx studjat il-mediċina, ma tkunx taf. Tibqa’ fuq il-kelma tat-tabib u teħodhom; u meta teħodhom u tinduna li hemm effett pożittiv, inti lit-tabib tagħtih raġun u tibqa’ teħodhom. Allura l-ewwel terapija hi mibnija fuq il-fiduċja tiegħek fuq it-tabib. U Ġesù jitlob minna dalgħodu li nħaddmu l-ewwel terapija; biex ikun jista’ jsalvana, jitlob minna l-fidi. Fidi fiex? Illum qegħdin niċċelebraw lil ‘Alla-magħna’. Alla mhux imbiegħed minna, Alla qiegħed magħna, Alla qiegħed f’nofsna. U jrid ikollok il-fidi, bħal dik tat-tabib, biex inti temmen li m’intix waħdek, li fid-diffikultà li qed tgħix, Alla qiegħed hemm, miegħek. Irid ikollok il-fidi biex tmur tqalleb fil-Kelma ta’ Alla, għax Alla għandu kelma għalik bħalissa, għall-istorja tiegħek, issa. Imiss lilek li tfittixha u ssibha. Għandu kelma li issa ssalvak, issa tagħtik tifsira ta’ dak li int għaddej jew għaddejja minnu, għax il-Kelma ta’ Alla hi ħajja. Alla huwa magħna – Għimmanu-El. It-twelid ta’ Ġesù, mhux għajr iċ-ċelebrazzjoni tal-kumpanija ta’ Alla, tal-ħbieberija u l-intimità ta’ Alla fl-istorja ta’ ħajjitna, fl-istorja ta’ ġrajjietna. Allura l-ewwel terapija: fidi kbira li Alla huwa miegħek, Alla huwa magħna. Alla għandu kelma għalik, Alla jkellmek fuq l-istorja tiegħek, Alla jagħtik risposta għall-mistoqsijiet li inti għandek.
It-tieni terapija mbagħad hi terapija iktar fit-tul. U forsi din hi l-iktar importanti u l-inqas li aħna nagħtu kasha. Għax kemm hu iktar importanti li żżomm ruħek fit, li tipprova tagħmel ftit eżerċizzju, li tipprova timxi ftit, titħarrek ftit! Kemm tista’ tiffranka mill-mard, mill-problemi u d-diffikultajiet l-oħra! U din hi t-tieni terapija tal-Evanġelju tal-lum: terapija ftit iktar diffiċli, mibnija mhux iktar fuq il-fidi – għax il-fidi waħedha ma taħdimx – imma mibnija fuq ir-raġuni. Irridu nibdew nirraġunaw! Irrid nifhem jien għalfejn għandi bżonn nonqos biex tinżel il-pressjoni; għax jien inħobb niekol! Jien irrid nifhem, u jekk ma nifhimx, nispiċċa biex ma nwettaqx, ma nagħmilx din it-terapija iktar fit-tul.
U liema hi din it-terapija iktar fit-tul? Hi t-terapija tal-umiltà. Għandi bżonn ta’ ħafna umiltà. Il-kelma umiltà tfisser verità. Jien irrid inkun veru almenu miegħi nnifsi. Irrid inkun naf lili nnifsi, naċċetta lili nnifsi, nilqa’ lili nnifsi, inħalli lil Alla jdawwalni fuq il-persuna tiegħi, u nħalli lil Alla jħobbni, b’tali mod li jien ma nħossnix mhedded, anki meta niskopri d-dgħufijiet tiegħi, meta niskopri fija dak li jien ma rridux u ma jogħġobnix. Din hija l-umiltà: meta jien ma naħbi xejn mill-persuna tiegħi, almenu lili nnifsi. Għax aħna diġà naħbu ħafna lill-oħrajn, aħna diġà ngħixu kważi żewġ ħajjiet: il-ħajja tagħna intima, li naf jien biss, u l-ħajja li nipprova nuri lill-oħrajn, li nipprova ngħix fuq barra.
Imma x’jiġri meta ngħixu l-apparenza, meta nagħtu importanza lil dak li jidher, lill-approvazzjoni tal-oħrajn? Jien nispiċċa li ma nibqax jien, nispiċċa biex irrid nilbes maskra, irrid nuri wiċċ b’ieħor, irrid nuri dak li m’iniex. U meta nagħmel hekk, nitbiegħed minni nnifsi, ikun diffiċli għalija li naċċetta lil Ġesù, l-Evanġelju. Għax l-Evanġelju jitlob ħafna sinċerità magħna nfusna; l-Evanġelju tant hu profond u qawwi, tant jikxifni, tant hu mera perfetta tiegħi, li meta nħares lejh u nħallih idawwalni, kapaċi jurini kull dettall tal-persuna tiegħi u jgħidli fejn mhux sew u fejn hu sew. Jekk jien ma nħarisx bl-għajnejn ta’ Alla lejja nnifsi, bl-imħabba tiegħu għalija, ‘Alla-magħna’, nispiċċa biex nipprova ninħeba anki minni nnifsi, mhux biss mill-oħrajn.
L-umiltà hi importanti biex taċċetta l-misteru ta’ Alla li jiċċekken u jsir bniedem. Inkella nibda nirraġuna: ‘Kif jista’ jkun dan! Dawn jiġu u jbellgħulna l-ħmerijiet: Alla Ħallieq isir bniedem! Imbagħad jgħidulna li jsir biċċa ħobż, Ewkaristija! Imbagħad jgħidulna li tarah fl-oħrajn…’. Jekk ma jkollniex l-umiltà – u l-umiltà hi l-verità – dan kollu għalina jidher logħob, superfiċjalità, kostruzzjoni artifiċjali. Jiġrilna li nitbiegħdu bil-mod il-mod mill-fidi vera, minn dak li hu verament tagħna, li jagħmilna bnedmin.
Min fehemha l-aħbar tal-Milied? Mhux Erodi, mhux il-qassisin il-kbar. Mhux il-profeti. L-aħbar tal-Milied fehmuha r-ragħajja, dawn li minkejja li kienu verament kriminali, imma kienu nies liberi, nies veri. Kienu jafu li kienu nies ħżiena, kienu jaċċettaw dak li huma, imma ma kinux jilbsu maskra biex juru li mhumiex dak li fil-fatt huma. Kienu nies tassew kriminali! Hemm tradizzjoni sħiħa fl-Orjent kontra r-ragħajja. Ngħidu aħna, il-ktieb tat-Talmud, li hu t-tifsir tat-Testment il-Qadim, tat-Torah b’mod speċjali, jgħid li jekk taqagħlek nagħġa jew ħmar fil-bir, mur iġri tellgħu, imma jekk jaqa’ pubblikan jew ragħaj, ħallihom hemm sakemm jikkatmaw u jinxfu. Dan hu l-kliem tat-Talmud, tant kienu ddisprezzati dawn in-nies! U huma stess kienu jafu min kienu, kif kienu jarawhom l-oħrajn, kemm kienu huma stess isolvu l-problemi bis-sikkina u bl-aggressività, u mhux bir-raġuni, kemm kienu jisirqu lil xulxin! Imma proprju lilhom, lill-bniedem sinċier dan il-messaġġ jasal, u l-bniedem sinċier biss jista’ jilqgħu.
Ejjew nitolbu lill-Mulej biex nilqgħu t-terapija qasira, dik tal-bidu, li tista’ tgħinna naffrontaw id-diffikultajiet kbar jew żgħar tagħna. Imma hemm terapija oħra, dik tal-umiltà, li llum qegħdin nitbiegħdu ħafna minnha, għax illum l-apparenza hi kollox. Illum mhux min int, imma kemm għandek jgħodd! Illum mhux il-persuna tiegħek, il-karattru tiegħek, mhux l-identità tiegħek, imma fuq kollox il-proprjetà, dak li hu tiegħek, dak jgħodd! U dan kollu jmur ’il bogħod ħafna mill-verità tal-bniedem, mill-umiltà. Allura d-diffikultà biex nilqgħu u niċċelebraw tassew l-Aħbar it-Tajba tal-Milied! Jalla dan il-Milied ireġġagħna lura għal li konna, kif jgħidulna l-Profeti, ireġġagħna għall-identità tagħna, għal dak li aħna tassew: ulied Alla, midinbin, dgħajfin, foqra… imma maħbubin, maħfurin.