Talba tal-Papa għall-paċi fid-dinja tagħna mifniha mill-gwerra

L-ewwel jum ta’ kull sena ġdida jgawdi minn abbundanza ta’ kommemorazzjonijiet u ġranet qaddisa. Fl-ewwel jum tas-sena, l-Kattoliċi jiċċelebraw is-Solennità ta’ Marija, Omm Alla, u l-Jum Dinji tal-Paċi, li din is-sena jaħbat il-57 edizzjoni tiegħu. Gabriela Ceraso u Andrea Moneta għamlu video, li fih naraw diversi xenarji ħdejn xulxin ta’ differenza bejn il-paċi u l-gwerra, li toffri tfakkira viżwali tad-devastazzjon magħmula mill-kunflitt.

Għall-messaġġ tiegħu tal-Jum Dinji tal-Paċi tal-2024, il-Papa Franġisku għażel li jirrifletti fuq it-tema: “Intelliġenza Artifiċjali u l-Paċi”. Huwa jesplora d-dimensjoni etika tat-teknoloġiji l-ġodda tal-Intelliġenza Artifiċjali, billi qal li qed jirrevoluzzjonaw l-isferi kollha tal-ħajja umana. Il-Papa jinnota, li “saħansitra issa, dawn l-għodod diġitali ġodda qed ibiddlu l-wiċċ tal-komunikazzjonijiet, l-amministrazzjoni pubblika, l-edukazzjoni, l-konsum, l-interazzjonijiet personali u għadd ta’ aspetti oħra tal-ħajja tagħna ta’ kuljum”.

Il-Papa jħeġġeġ ukoll lill-mexxejja tad-dinja biex idaħħlu fis-seħħ politiki li jiżguraw li l-iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali “fl-aħħar mill-aħħar iservi għall-kawża tal-fraternità umana u l-paċi”. “Hija t-talba tiegħi fil-bidu tas-Sena l-Ġdida li l-iżvilupp mgħaġġel ta’ forom ta’ intelliġenza artifiċjali ma jżidx każijiet ta’ inugwaljanza u inġustizzja li diġa’ qed jeżistu fid-dinja tal-lum, iżda tgħin biex jintemmu l-gwerer u l-kunflitti, u ttaffi l-ħafna forom ta’ tbatija li qed jolqtu lill-familja umana tagħna”, qal.

Hekk kif id-dinja tfakkar bidu ta’ sena ġdida, l-Papa Franġisku talab biex il-popli kollha jħaddnu teknoloġiji ġodda b’mod li jdawwruhom f’għodod għall-ġid. “Jalla l-Kristjani li jemmnu, s-segwaċi ta’ diversi reliġjonijiet, kif ukoll l-irġiel u nisa ta’ rieda tajba jaħdmu flimkien f’armonija biex iħaddnu l-opportunitajiet u jikkonfrontaw l-isfidi li ġġib magħha r-rivoluzzjoni diġitali u b’hekk jgħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri, dinja ta’ solidarjetà, ġustizzja u paċi akbar.” 

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-01/pope-francis-world-day-peace-prayer-virgin-mary.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?