Ippubblikat ktieb ta’ riflessjoni u talb personali u fi gruppi

Il-ktieb Wiċċ Imb Wiċċ, Djarju għar-riflessjoni u t-talb se jimla vojt li ilu jinħass

Michael Caruana

Wiċċ Imb Wiċċ, Djarju għar-riflessjoni u t-talb hu l-isem ta’ ktieb ġdid li ġie ppubblikat dan l-aħħar minn Maria Theresa Portelli, l-awtriċi tiegħu. Ktieb ta’ din ix-xorta bil-Malti ilu nieqes fis-suq lokali u għandu għalhekk jintlaqa’ tajjeb minn dawk li minn żmiem għall-ieħor jew regolarment iħobbu jagħmlu dak il-ftit ħin ta’ riflessjoni u talb personali jew fi gruppi.

Filfatt, fil-kelmtejn tal-bidu, l-awtriċi tikteb li dan il-kgieb/djarju joffri stedina biex wieħed jieqaf ftit jirrifletti u jitlob. L-użu tiegħu għandu l-iskop li jġib lil dak li jkun wiċċ imb wiċċ ma’ Alla u miegħu nnifsu.

Ir-riflessjonijiet fil-ktieb/djarju – 30 b’kollox – huma ispirati mill-Eżerċizzi Spiritwali ta’ Sant Injazju. Maria Theresa Portelli tikteb li l-esperjenza ta’ dawn l-eżerċizzi bidlitilha ħajjitha u baqgħet iġorrha magħha f’mumenti ta’ sfida u qtigħ il-qalb. Din l-istess esperjenza għenitha tagħraf li Alla jinsab f’dawk l-aktar mumenti sempliċi u żgħar li tgħaddi minnhom kuljum f’persuni li tkun iltqajt magħhom, fi kliem li tkun smajt, f’temp bnazzi jew fil-qawwa tal-mewġ, inkella fi tfal jilgħabu. Hi tissokta li anki f’mumenti negattivi bdiet tintebah kemm Alla jinqeda b’danakollu biex iressaqha aktar lejH jew biex timmatura aktar.

“L-iskop ta’ din il-pubblikazzjoni hu vjaġġ li permezz tiegħu napprofondixxu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla”, issostni l-awtriċi li żżid tikteb li “dan il-vjaġġ jgħinna mhux biss biex insiru nafu aktar lil Alla, iżda wkoll lilna nfusna u lill-oħrajn. Hu għalhekk li kull riflessjoni waqt li fiha meditazzjonijiet dwar il-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art, tinkludi wkoll ħsibijiet dwar il-ħajja tagħna u kif nistgħu ngħixu fil-konkret dak li Ġesù jgħidilna u jixtieq minna”.

Dan il-ktieb/djarju hu mmirat li jintuża waqt il-ħin ta’ riflessjoni u talb personali jew fi gruppi. Ħafna mir-riflessjonijiet jinkludu mistoqsijiet biex insiru nafu aktar lil Ġesù filwaqt li nirriflettu dwar il-ħajja tagħna u dwar dak li Hu jrid minna. L-awtriċi tikteb li jkun tajjeb li min juża dan il-ktieb/djarju għal riflessjoni u talb, partikolarment fi gruppi, ikun akkumpanjat spiritwalment minn min jista’ jgħinu japprofondixxi aktar il-ħajja ta’ talb u biex jagħraf aktar l-intervent tal-Mulej fil-ħajja tiegħu. Dan l-akkumpanjament fi gruppi jista’ jiggwida wkoll lill-grupp biex jidħol aktar fil-profond tar-riflessjonijiet.

Maria Theresa Portelli ttemm tikteb kemm hu importanti li matul dawn ir-riflessjonijiet ikun hemm ħin fis-silenzju.

Il-ktieb/djarju Wiċċ Imb Wiċċ qed jinbiegħ €12 mingħand l-awtriċi stess. Għal aktar informazzjoni ikteb fl-indirizz elettroniku wiccimbwicc@gmail.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading