L-Inteliġenza Artifiċjali qatt ma tista’ tissostitwixxi l-għerf tal-qalb tal-bniedem

Messaġġ tal-Papa Franġisku għal Jum il-Komunikazzjoni.

Il-Papa Franġisku ħareġ il-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali tal-2024, li se tiġi ċċelebrata fit-12 ta’ Mejju, li l-messaġġ jiffoka fuq it-tema: l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Għerf tal-Qalb: Lejn Komunikazzjoni Sħiħa Umana.

It-tema ta’ din is-sena hija marbuta mill-qrib mal-messaġġ tal-Papa għall-Jum Dinji tal-Paċi, li kien iddedikat għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali (IA). L-Intelliġenza Artifiċjali qed “taffettwa b’mod radikali d-dinja tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u permezz tagħha, ċerti pedamenti tal-ħajja fis-soċjetà,” jgħid il-Papa fil-messaġġ tiegħu ta’ Jum il-Komunikazzjoni, u żied li “dawn il-bidliet jaffettwaw lil kulħadd”. Għalhekk, il-Papa jistaqsi, “kif nistgħu nibqgħu umani għal kollox u niggwidaw din it-trasformazzjoni kulturali biex isservi għal skop tajjeb?”

Meta jwieġeb din il-mistoqsija, l-Qdusija Tiegħu jinnota li “f’dan iż-żmien tal-istorja, qed nirriskjaw li nsiru għonja fit-teknoloġija u foqra fl-umanità, u r-riflessjonijiet tagħna jridu jibdew mill-qalb tal-bniedem.” Ifakkar li, fil-Bibbja, il-qalb hija meqjusa bħala l-post tal-libertà u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, “li tissimbolizza l-integrità u l-għaqda, filwaqt li tinvolvi wkoll l-emozzjonijiet, ix-xewqat, u l-ħolm tagħna.” Iżda, jkompli, li l-qalb hija, fuq kollox, “il-post ta’ ġewwa tal-laqgħa tagħna ma’ Alla.” “Mela, l-għerf tal-qalb huwa l-virtù li jgħinna nintegraw is-sħiħ u l-partijiet tiegħu, d-deċiżjonijiet tagħna u l-konsegwenzi tagħhom, in-nobiltà tagħna u l-vulnerabbiltà tagħna, l-passat u l-futur tagħna, l-individwalità tagħna u s-sħubija tagħna f’komunità akbar”, jgħid il-Papa.

Il-Qdusija Tiegħu jkompli jisħaq li għerf bħal dan ma jistax jinstab mill-magni. Għalkemm it-terminu “intelliġenza artifiċjali” ħa post it-terminu “tagħlim bil-magni”, huwa qal, “l-użu stess tal-kelma ‘intelliġenza’ jista’ jkun qarrieqi.” Il-Papa spjega li mhux biżżejjed li tkun tista’ taħżen id-data, bħalma jagħmlu l-magni, iżda li din id-data trid tingħata sens, u “l-bnedmin biss” kapaċi jagħmlu dan. “Jiddipendi mill-inklinazzjoni tal-qalb, dak kollu li jista’ jintlaħaq jsir jew opportunità jew theddida,” iwissi l-Papa.

Huwa jinnota lit-teknoloġika ta’ simulazzjoni wara l-algoritmi tal-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tkun utli f’ċerti oqsma speċifiċi. Madankollu, żied jgħid, l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali jsir “pervers meta tgħawweġ ir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn u mar-realtà.” Fil-fatt, huwa estremament importanti li tkun taf li f’idejn il-ħażin, għodod bħal dawn jistgħu jwasslu għal “xenarji inkwetanti”. L-Intelliġenza Artifiċjali għandha tkun regolata, sostna l-Papa Franġisku, filwaqt li jirrikonoxxi li, bħal f’kull kuntest uman, “ir-regolamentazzjoni, minnha nfisha mhix biżżejjed”.

Imbagħad il-Qdusija Tiegħu jistieden lil kulħadd biex jikber flimkien, “fl-umanità u bħala umanità”, u fakkar li lkoll għandna sfida biex nagħmlu qabża ta’ kwalita sabiex insiru “soċjetà kumplessa, multietnika, pluralistika, multireliġjuża u multikulturali”. Meta tkellem dwar l-informazzjoni, l-Papa iwissi li “l-informazzjoni ma tistax tiġi sseparata minn relazzjonijiet ħajjin”.

Huwa jispjega lir-relazzjonijiet jinvolvu l-ġisem u li nidħlu fid-dinja reali, iżda li jinvolvu wkoll esperjenzi umani, “kompassjoni, u qsim”. B’dan f’moħħu, l-Papa Franġisku jirreferi għall-ħafna ġurnalisti li ndarbu jew inqatlu fil-qadi ta’ dmirhom hekk kif ippruvaw juru lid-dinja dak li kienu raw huma stess. “Għax b’kuntatt dirett bħal dan mat-tbatija tat-tfal, tan-nisa u l-irġiel biss nistgħu naslu biex napprezzaw l-assurdità tal-gwerra,” jgħid il-Papa.

Fi tmiem il-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni, l-Papa Franġisku jfakkar li “huwa f’idejna li niddeċiedu jekk insirux għalf għall-algoritmi jew hux se nrawmu qalbna b’dik il-libertà li mingħajrha ma nistgħu nikbru fl-għerf.” Huwa biss flimkien, temm jgħid, li nistgħu nżidu l-kapaċità tagħna ta’ dixxerniment u viġilanza u li naraw l-affarijiet fid-dawl tat-twettiq tagħhom.

Imbagħad il-Papa Franġisku talab biex l-umanità qatt ma titlef lir-rwol tagħha, u biex l-għerf li kien preżenti qabel it-teknoloġija moderna kollha jerġa’ lura għandna. L-għerf, jgħid il-Papa, jista’ jgħinna “biex inpoġġu sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali għas-servizz ta’ komunikazzjoni kompletament umana.”   

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-01/pope-message-world-day-social-communications-ai.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading