Il-Papa Franġisku lmenta dwar l-imwiet, il-ġrieħi, l-qerda, t-tbatija u d-dmugħ tal-aħħar sentejn mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna – perjodu, “li qed isir ħafna twil u li t-tmiem tiegħu għadu ma jidhirx”, qal il-Qdusija Tiegħu.
F’rimarki wara l-Angelus tal-Ħadd, il-Papa wissa li l-gwerra fl-Ukrajna “mhux biss qed teqred ir-reġjun tal-Ewropa, iżda qed toħroġ mewġa globali ta’ biża’ u mibegħda”. Waqt li ġedded is-simpatija qawwija u t-talb tiegħu “għall-poplu Ukren itturmentat”, il-Kap tal-Knisja Kattolika appella “għall-irkupru ta’ dik il-ftit umanità li tippermetti li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal soluzzjoni diplomatika fit-tfittxija għal soluzzjoni ġusta u paċi dejjiema”.
Il-Papa Franġisku ħeġġeġ ukoll lin-nies biex ma jinsewx jitolbu għall-Palestina u l-Iżrael, u għall-ħafna nies li qed ibatu mill-gwerra, u ħeġġeġ biex jipprovdu għajnuna konkreta lil dawk li qed ibatu, speċjalment “it-tfal midruba u innoċenti”.
Il-Papa nnota wkoll li qed tiżdied il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fejn ingħaqad mal-Isqfijiet ta’ dak il-pajjiż fis-sejħa tagħhom għat-talb għall-paċi, u esprima t-tama tiegħu għat-tmiem tal-ġlied u għal “djalogu sinċier u kostruttiv”.
Filwaqt li dawwar ħsibijietu għan-Niġerja, l-Papa Franġisku enfasizza l-ħtif dejjem aktar frekwenti bħala “kawża ta’ tħassib”. Hu esprima l-qrubija tiegħu lejn u wassal it-talb tiegħu għan-nies tan-Niġerja, u t-tama tiegħu “li jsiru sforzi biex jitrażżan kemm jista’ jkun it-tixrid ta’ dawn l-episodji”.
Waqt li estenda s-simpatija tiegħu lejn l-Asja, l-Papa qasam ukoll il-qrubija tiegħu mal-poplu Mongoljan, li qed isofri minn perjodu ta’ kesħa qawwija, li qed iwassal għal konsegwenzi umanitarji serji. “Dan il-fenomenu estrem huwa wkoll sinjal tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu,” qal il-Papa. “L-kriżi tal-klima hija problema soċjali globali, li taffettwa profondament il-ħajja ta’ ħafna aħwa, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli. Ejjew nitolbu biex inkunu nistgħu nagħmlu l-għażliet għaqlin u kuraġġużi biex nikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ħolqien”, temm jgħid il-Papa Franġisku.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-02/pope-pleads-for-recovery-of-humanity.html