Waqt laqgħa li kellu mal-Isqfijiet Armeni, l-Papa Franġisku jitlob għall-paċi.

Print Friendly, PDF & Email

Is-sitwazzjoni ġeopolitika mwiegħra fl-Armenja, l-importanza tal-kollaborazzjoni mal-Knisja Ortodossa tal-pajjiż, u l-ħtieġa li l-isqfijiet ikunu qrib il-merħliet tagħhom, kienu t-temi fiċ-ċentru tal-indirizz tal-Papa Franġisku lill-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika Armena l-Erbgħa filgħodu. Hekk kif il-Papa għadu qed jirkupra minn riħ, id-diskors tiegħu nqara minn Mons. Filippo Ciampanelli, uffiċjal fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan.

Is-sena l-oħra, aktar minn 100,000 Armen etniku ġew sfurzati jaħarbu mill-enklavi ta’ Nagorno-Karabakh wara offensiva militari mwettqa mill-Ażerbajġan; fejn hemm il-biża’ li jista’ jsegwi attakk ieħor.

Il-Papa Franġisku qal lill-Isqfijiet Armeni, “Ħuti, kif ma nistgħu ma ndawwrux ħsibijietna lejn l-Armenja, mhux biss bil-kliem imma fuq kollox bit-talb tagħna, b’mod partikolari għal dawk kollha li qed jaħarbu minn Nagorno-Karabakh u għall-ħafna familji spostati li qed ifittxu l-kenn?” Huwa kompla, li “l-Ewwel Gwerra Dinjija, kellha tkun suppost l-aħħar… iżda minn dak iż-żmien, kemm rajna kunflitti u massakri, dejjem traġiċi u dejjem bla sens? Ejjew nilqgħu lkoll l-għajta għall-paċi,” ħeġġeġ il-Papa, “biex tmiss il-qlub, anke qlub mhux mittiefsa mit-tbatijiet tal-foqra u l-umli. U fuq kollox, ejjew nitolbu. Nitolbu għalikom u għall-Armenja”.

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ ukoll lill-Isqfijiet Armeni biex jibqgħu qrib ta’ dawk li jaqdu. “F’dinja tant mimlija iżolament u solitudni, għandna niżguraw li dawk fdati f’idejna jħossu l-qrubija tar-Ragħaj it-Tajjeb”. Dan jinkludi l-qassisin, speċjalment żgħażagħ, li għandhom bżonn “iħossuhom qrib l-Isqfijiet tagħhom”; nnota l-Papa.

Imbagħad il-Qdusija Tiegħu ħeġġeġ lill-Isqfijiet biex jagħżlu s-suċċessuri tagħhom bil-għaqal, billi jagħżlu individwi li jkunu “dedikati għall-merħla, fidili għall-kura pastorali, u mhux immexxija minn ambizzjoni personali.” Il-Papa Franġisku qal, li l-Knisja tagħkom mhix kbira fin-numri, “iżda ejjew niftakru li Alla jħobb jagħmel meravilji ma’ dawk li huma żgħar.”

Suġġett ewlieni ieħor tad-diskors tal-Papa kien l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-Knisja Kattolika Armena u l-Knisja Appostolika Armena, Ortodossa. Il-Papa mess dan is-suġġett darbtejn fid-diskors tiegħu, u għażel li jtemm l-indirizz tiegħu b’talba minn San Nerses il-Grazzjuż, isqof Armen tas-seklu 12 rikonoxxut bħala qaddis kemm fil-Knisja Kattolika, kif ukoll dik Ortodossa Armena.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-02/pope-francis-armenia-peace-catholic-bishops.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading