“Ejjew ma ninsewx lill-popli li qed ibatu minħabba l-gwerra,” qal il-Papa Franġisku fi tmiem l-Udjenza Ġenerali ta’ kull ġimgħa, fejn innota b’mod speċjali fil-poplu Ukren u dak tal-Palestina u ta’ Iżrael, iżda wkoll “tant oħrajn” madwar id-dinja li huma milquta mill-vjolenza.
Il-Papa kompla sejjaħ għat-talb għall-vittmi ta’ attakki ta’ terrur reċenti fil-Burkina Faso; fejn nhar il-Ħadd, ħmistax il-fidil inqatlu f’attakk fuq knisja fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, filwaqt lit-tieni attakk seħħ fuq moskea fil-Lvant, fejn ħalla “għexieren” ta’ nies mejta.
Il-Qdusija Tiegħu sejjaħ ukoll għat-talb għall-poplu tal-Ħaiti, “fejn qed ikomplu jseħħu r-reati u l-ħtif minn gruppi armati”. Skont rapport tan-Nazzjonijiet Uniti, f’Jannar, aktar minn elf ruħ inqatlu, ndarbu, jew ġew maħtufa fil-Ħaiti, u dan jagħmluh l-aktar xahar imdemmi għan-nazzjoni tal-Karibew fi kważi sentejn. Proprju l-ġimgħa li għaddiet, sitt aħwa reliġjużi u qassis ġew maħtufa fil-kapitali ta’ Ħaiti Port-au-Prince. F’Jannar, sitt sorijiet reliġjużi nħatfu u sussegwentement inħelsu.
L-Isqfijiet tal-Ħaiti talbu għat-tmiem tal-vjolenza u t-tixrid tad-demm, u talbu lill-awtoritajiet “biex itemmu immedjatament it-tbatija”, tal-poplu tal-Ħaiti. “Biżżejjed dmija u dmugħ ixxerrdu minħabba l-qtil, ħtif, u stupri li saru matul dan l-aħħar tliet snin,” kitbu l-Isqfijiet fi Frar, u żiedu, “Kellna biżżejjed!”
F’dawn l-aħħar xhur kien hemm żieda fil-vjolenza marbuta mad-deċiżjoni tal-Prim Ministru Ariel Henry li qed jibqa’ fil-poter minkejja ftehim preċedenti biex isiru elezzjonijiet fi Frar 2024. Fl-istqarrija tagħhom, l-Isqfijiet ħeġġew lil Henry biex iwarrab “għall-ġid tan-nazzjon kollu”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-02/pope-calls-for-prayer-for-burkina-faso-haiti.html
Il-Papa ghandu ghal qalbu il-paci mad-dinja kollha
Nahseb li minbarra li nitolbu ghal kull fejn hemm gwerer nitolbu wkoll ghal gwerer qawwija fil-firda tal-mizzewgin.